Saturday, December 21, 2024

Cliferty Calleja jagħlaq b’rebħa fil-Kampjonat Dinji

Aqra wkoll

Il-Kampjonat Dinji għas-Sewwieq Dilettanti tal-Federazzjoni Ewropea tas-Sewwieqa Dilettanti tat-Trott (FEGAT) ġie fi tmiemu il-Ħamis wara tlett ijiem ta’ kompetizzjoni. Cliferty Calleja telaq lejn il-Finlandja biex jiddefendi t-titlu miksub fl-edizzjoni Taljana li saret fl-2022 meta kien inkurunat Champion tad-Dinja. Din l-edizzjoni ma’ ġabitx l-istess suċċess għal Cliferty Calleja iżda fid-disa’ tiġrijiet li pparteċipa fihom xorta rnexxielu jakwista xi riżultati pożittivi u fl-aħħar mill-aħħar kien sfortunat ħafna f’xi tiġrijiet oħra.

Cliferty Calleja beda l-parteċipazzjoni tiegħu fil-korsa ta’ Teivo b’riżultat sfortunat ħafna meta ż-żiemel li kien qed isuq u li kien qiegħed quddiem, tilef it-trott fl-aħħar 100 metru u dan irriżulta fi skwalifikat. Dawn it-13-il punt li jingħataw f’każ ta’ rebħa, mitluf, fl-aħħar mill-aħħar swew lil Cliferty Calleja r-rebħa tal-Kampjonat. Fl-istess jum, Cliferty Calleja irnexxielu jagħlaq tiġrija fl-10 post u oħra fit-tieni post. Bir-riżultati tal-ewwel ġurnata, Cliferty Calleja għalaq fill 11-il post fil-klassifika ġenerali tal-kampjonat.

It-tieni jum ta’ tlielaq sar fil-korsa ta’ Mikkeli u hawn Cliferty Calleja rnexxielu jagħlaq fit-tielet, ir-raba’ u l-ħames post fit-tlett tiġrijiet. Dan wara sewqan eċċellenti, għalkemm xi drabi il-triq ma kienitx waħda favurih, bi traffiku jxekkel l-avvanz taż-żwiemel tiegħu fl-aħħar metru b’detriment għal riżultati aħjar. Minkejja dan, Cliferty Caleja rreġistra kisbiet tajbin fit-tieni ġurnata u għalaq fit-tmin post fil-klassifika globali.

Fl-aħħar ġurnata ta’ tlielaq, din id-darba fil-korsa ta’ Jokimaa, Cliferty Calleja għalaq fis-seba’ post fl-ewwel tiġrija u wara rnexxielu rebħa sabiħa fit-tmien tiġrija tal-kampjonat. Wara li mar fuq quddiem meta kien fadal dawra mit-tmiem, Cliferty Calleja rreżista attakk tard mill-avversarju Amerikan biex finalment għal rebbieħ b’nofs tul fuq id-debba tiegħu ARTFUL GRACE. F’dan il-punt, Cliferty Calleja rnexxielu jitla’ fir-raba’ post fil-klassifika tal-kampjonat izda kwalunkwe ċans li jtejjeb il-qagħda tiegħu sfaxxat meta id-debba li saq ma kienitx daqstant kompetittiva u daħlet fl-aħħar post.

Din kienet parteċipazzjoni pożittiva oħra għal sewwieq Malti li jirrappreżenta lill-Malta Racing Club fix-xena internazzjonali. Ir-rebħa ta’ Cliferty Calleja ġejja wara sensiela ta’ rebħiet oħra fuq livell internazzjonali minn sewwieqa Maltin li qed jkomplu juru li huma f’parità ma dawk illi huma kompetituri tagħom minn madwar id-dinja kollha.

Il-klassifika finali tal-Kampjonat Dinji taqra hekk:

L-ewwel post – Ove Bakkevold Reime – Norvegja – 72 punt

It-tieni post – Antonia Vaquer Staschel – Spanja – 71 punt

It-tielet post – Cheree Wigg – New Zealand – 69 punt

Ir-raba` post – Patrik Fernlund – Svezja – 68 punt

Il-ħames post – Martin Andreasen – Danimarka – 66 punt

Is-sit post – John Calabrese – Stati Uniti – 65 punt

Is-sebgħa post – Andrea Fazekas – Ungerija – 65 punt

It-tmin post – Cliferty Calleja – Malta – 60 punt

Id-disa` post – Sami Nummi – Finlandja – 60 punt

L-għaxar post – Maximiliano Lacunza – Argentina – 55 punt

Il-ħdax-il post – Anellino Guglielmi – Kanada – 51 punt

It-tnax-il post – Xavier Bovay – Svizzera – 47 punt

Ekonomija

Sport