Tuesday, December 24, 2024

“Dan hu l-veru spirtu tal-Milied … ejjew ma ninsewx dawk li spiċċaw bla saqaf”

Messaġġ mill-President ta’ Malta għall-Milied u s-Sena l-Ġdida

Aqra wkoll

“Dan huwa l-aħħar messaġġ tiegħi ta’ din ix-xorta, hekk kif din il-Presidenza qed toqrob lejn tmiemha. Tul dawn is-snin, apparti x-xewqat għal Milied Hieni, din kienet tkun ukoll opportunità biex naqsam magħkom ħsibijiet dwar il-valuri li jmissu l-ħajjiet tagħna, bħala individwi u bħala familji”. Hekk beda biex isellem lill-poplu fil-messaġġ tiegħu l-President George Vella.

Il-President qal li filwaqt li nirriflettu dwar dak li għaddejna minnu matul is-sena, żgur li ħadd minna mhu ħieles mill-inkwiet. Huwa qal li kien hemm min intlaqat minn xi aħbar ħażina ta’ saħħa, min tilef xi għeżież, min iħoss is-solitudni jew l-inġustizzja soċjali, minn għaddej minn taqlib fis-saħħa mentali u forsi anki minn iżolament.

Huwa kompla biex jgħid li  bħas-snin ta’ qabel, għada tkompli din il-ħidma biex, kemm jista’ jkun, tittaffa t-tbatija fiżika ta’ min għaddej b’xi kura, u tingħata għajnuna lil kull min jitlobha.

Fejn jidħol kuntatt mal-poplu, il-President qal li  dejjem apprezza l-kliem u l-ġesti tagħhom ta’ sostenn u entużjażmu, min b’xi kelma ta’ kuraġġ, min b’xi idea ġdida, u min anki b’suġġerimenti validi u siewja, anki dawk kritiċi.

Sellem ukoll lill-Maltin u l-Għawdxin li jgħixu ’l bogħod minn xtutna, li anki b’distanzi kbar li jifirduhom minn pajjiżna, f’dawn il-ġranet qegħdin jiċċelebraw dawn il-Festi, jista’ jkun b’xi ikel, tiżjin, drawwiet u għanjiet tal-Milied tipikament Malti.

“F’dawn il-jiem ta’ festi għalina, ma nistax ma nsemmix li filwaqt li aħna qegħdin fil-kenn ta’ djarna, imdawrin bil-qraba u l-ħbieb, hemm eluf li minħabba l-gwerer jinsabu bla saqaf fuq rashom, bla kenn u bil-ġuħ, esposti għall-elementi u l-bombi neżlin fuqhom u fuq uliedhom. Eluf sfaw romol, jew iltiema… oħrajn huma ġenituri li qed jidfnu lil uliedhom. Familji sħaħ tkissru”, kompla Vella.

Dwar l-ispirtu veru tal-Milied, Vella qal esprima l-bżonn li nsibu ħin li nieħdu ħsieb lil dawk għaddejjin minn xi għawġ, imqar b’kelma ta’ faraġ u wens.

Ekonomija

Sport