Tuesday, May 14, 2024

Delegazzjoni Laburista fil-PE li kontinwament taħdem favur pajjiżna

Il-Prim Ministru Robert Abela jgħid li l-viżjoni ekonomika tal-Gvern hi msejsa fuq industriji ta’ valur miżjud u bbażata fuq il-ħiliet u t-talent tal-ħaddiema

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Id-delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew, immexxija minn Dr Alfred Sant, kellha xi ħaġa komuni u konsistenti. Dik li kontinwament ħadmet favur Malta.

Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela meta kien qed jindirizza business breakfast f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan, li ffoka dwar ħidmet l-erba’ Membri Parlamentari Ewropej f’isem il-PL.

Preżenti kien hemm ukoll l-imsieħba soċjali fosthom il-General Workers’ Union li kienet rappreżentata mis-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja u l-President Victor Carachi.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru stqarr li fil-fora kollha li jipparteċipa fihom, inkluż fil-Kunsill Ewropew, huwa dejjem jisħaq li n-nies irridu npoġġuhom fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna.

“Irridu naħsbu kif id-deċiżjonijiet tagħna se jimpattaw il-familji fl-ibliet u fil-villaġġi kollha tal-kapitali Ewropej. Kull bidla li rridu nħarsu lejha trid tkun imsejsa fuq dan il-prinċipju bażiku,” qal il-Prim Ministru.

Huwa żied jgħid li f’laqgħa tal-MCESD ġiet spjegata t-tranżizzjoni ekonomika lejn prosperità ġdida. Tranżizzjoni li dan il-Gvern qed iwettaq b’viżjoni ċara. Viżjoni li tifhem li evoluzzjoni daqstant importanti ma jistax imexxiha waħdu. “Irid iwettaqha magħkom, man-nies u man-negozji tagħna.”

Dr Abela qal li mhemmx dubju li dak li jiddeċiedu dwaru fuq livell Ewropew, għandu wkoll influwenzi direti u ma jistgħux jarawh ‘il bogħod. Għalhekk li l-irwol tal-Membri Parlamentari Ewropej jassumi dinamika daqstant importanti. “Il-Partit Laburista, Malta għandha x-xorti ta’ erba’ MPE ħabrieka u li jaħdmu qatigħ.”

Il-Prim Ministru kompla jgħid li l-viżjoni ekonomika ta’ dan il-Gvern hija msejsa fuq industriji ta’ valur miżjud u bbażata fuq il-ħiliet u t-talent tal-ħaddiema. Viżjoni li hija bbażata fuq id-diġitalizzazzjoni tal-attività ekonomika preżenti kif ukoll li nattiraw lejn pajjiżna setturi diġitali ġodda.

“Għalhekk f’dan kollu nemmen li l-ħidma tal-MEPs kienet u se tibqa tkun kruċjali biex filwaqt li l-unjoni u s-suq waħdieni jibqa’ jkun wieħed kompetittiv fid-dawl anke ta’ sfidi ġodda, pajjiżna wkoll jista’ jimmassimizza l-potenzjal ekonomiku tiegħu billi jattira investiment dirett barrani,” tenna Dr Abela.

Huwa għamel referenza għas-settur tal-microchips u s-semiconductors, b’Malta trid tibqa’ tkun leader u fuq quddiem f’dan is-settur. Sostna li “dejjem konna konvinti mill-importanza ta’ dan is-settur, li nistgħu ninvestu fih u nkabbruh.”

Il-Prim Ministru tenna wkoll li fil-jiem li ġejjin se nibqgħu naħdmu f’dik id-direzzjoni u anke naraw kif se tiżvolġi d-diskussjoni f’dak li għandu x’jaqsam mas-sovereignty fund.

Dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, huwa qal li tfasslet u bdiet tiġi implimentata l-istrateġija li għandha teħodna sal-2030. Qal li meta d-diskussjoni f’dan ir-rigward telgħet fuq livell Ewropew, Malta tat il-kontribut tagħha.

Huwa qal ukoll li jibqa’ kruċjali li nkunu konnessi bl-aqwa mod mal-kontinent. Kruċjali biex pajjiżna jasal għall-qalba ambjentali. Assigurajna li t-tieni interconnector ikun iffinanzjat minn fondi Ewropej.

Il-Prim Minisru tkellem ukoll dwar il-laqgħa tal-MED9 li saret f’pajjiżna, fejn kien hemm qbil bejn disa’ pajjiżi tal-Mediterran biex ikun hemm sforz konċentrat bejn l-UE u l-kontinent Afrikan, partikolarment l-Afrika ta’ Fuq, dwar l-enerġija rinovabbli.

Huwa semma wkoll kif pajjiżna rnexxielu jwettaq diversi riformi kbar fosthom fl-ugwaljanza, il-qasam tal-ġustizzja u anke fejn jidħlu riformi istituzzjonali. Qal iżda li baqa’ ħafna xogħol xi jsir, u li m’għandu l-ebda dubju li l-MPE Alfred Sant, Alex Agius Saliba, Josianne Cutajar u Cyrus Engerer se jagħmlu dan fix-xhur li ġejjin qabel il-poplu f’Ġunju tas-sena d-dieħla se jerġa’ jkun imsejjaħ biex jagħti l-vot tiegħu.

“Fuq kollox trid tkun ħidma ffukata fuq bidla li ġġib iċ-ċittadin fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li tittieħed u li twassal dejjem għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-poplu Għawdxi u Malti kollu,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

Sport