Dgħajsa ġdida għal kull klabb fost inizjattivi oħra biex tissaħħaħ ir-Regatta

Imħabbra ir-Regatta tal-Vitorja fit-8 ta’ Settembru

Aqra wkoll

Kull klabb tar-Regatta se jingħata dgħajsa ġdida biex isaħħaħ il-flotta tiegħu, bħala parti minn sensiela ta’ inizjattivi maħsuba biex ikomplu jsaħħu dan l-isport u jagħtu aktar sostenn lill-klabbs u lill-qaddiefa li matul is-sena kollha jżommu ħajja din it-tradizzjoni Maltija.

It-tħabbira saret mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, waqt it-tnedija uffiċjali tar-Regatta tal-Vitorja 2026. Flimkien ma’ dan l-investiment dirett fil-klabbs, minn din l-edizzjoni se tiddaħħal ukoll teknoloġija ġdida fit-tiġrijiet, filwaqt li l-klabbs u l-assoċjazzjoni qed jingħataw sehem aktar attiv fil-ħidma dwar l-organizzazzjoni u l-futur tar-Regatta.

It-tisħiħ tar-Regatta kien wieħed mill-impenji tal-Manifest Elettorali, impenn li qed jissarraf f’azzjoni konkreta sa mill-ewwel 100 jum ta’ din il-leġiżlatura. Il-miżuri mħabbra huma l-ewwel pass fi programm usa’ ta’ ħidma biex jingħata aktar sostenn lill-klabbs u lill-qaddiefa, tissaħħaħ l-organizzazzjoni u l-governanza tar-Regatta, u tkompli tikber il-viżibbiltà ta’ dan l-isport.

“Ir-Regatta għandha storja kbira, iżda rridu nassiguraw ukoll futur b’saħħtu għaliha. Għalhekk, minn meta ngħatajt ir-responsabbiltà għall-isport, id-direzzjoni kienet ċara: nisimgħu lill-klabbs u lill-qaddiefa u nibdlu dak li jgħidulna f’azzjoni. It-tisħiħ tar-Regatta kien impenn li għamilna fil-Manifest Elettorali, u llum, sa mill-ewwel 100 jum ta’ din il-leġiżlatura, qed nibdew inwettquh bil-fatti. Id-dgħajsa ġdida li se nagħtu lil kull klabb hija turija konkreta ta’ dan l-impenn. Nafu x’jinvolvi biex jinżammu dawn il-klabbs u biex il-qaddiefa jkunu jistgħu jipprattikaw dan l-isport, u rridu nkunu ta’ spalla għalihom. Irridu naraw ir-Regatta tikber, u dan irridu nagħmluh bil-fatti,” qal il-Ministru Camilleri.

Waħda mill-ewwel laqgħat uffiċjali li kellu l-Ministru Camilleri meta ngħata r-responsabbiltà għall-isport, kienet proprju mal-klabbs tar-Regatta. Wara li nstemgħu l-fehmiet, il-proposti u s-suġġerimenti tagħhom, tfasslu inizjattivi kemm għall-edizzjoni ta’ din is-sena kif ukoll għal aktar fit-tul. Fl-istess waqt, twaqqaf kumitat organizzattiv magħmul minn esperti u stakeholders u żdied l-involviment tal-assoċjazzjoni u tal-klabbs. 

Fost in-novitajiet għar-Regatta tal-Vitorja ta’ din is-sena se jkun hemm l-introduzzjoni ta’ trackers fuq id-dgħajjes parteċipanti. Dawn se jirreġistraw ir-rotot meħuda mill-opri waqt it-tiġrijiet, biex l-informazzjoni tkun tista’ sservi ta’ referenza għall-uffiċjali fejn ikun hemm bżonn. Il-miżura għandha l-għan li tnaqqas id-dubji u l-inċertezzi u tkompli ssaħħaħ il-ġustizzja sportiva fil-kompetizzjoni. 

Iċ-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv tar-Regatta, Kevin Borg, qal li hemm stennija kbira għall-edizzjoni tal-Vitorja ta’ din is-sena, filwaqt li saħaq fuq il-ħidma li qed issir minn sena għall-oħra biex tkompli titjieb l-organizzazzjoni u jogħla l-livell tar-Regatta.

“Għal darb’oħra hemm stennija kbira għar-Regatta tal-Vitorja, u l-għan tagħna jibqa’ li minn edizzjoni għall-oħra nkomplu ngħollu l-livell. Din is-sena se naraw investiment f’trackers ġodda, filwaqt li se jkollna ġudikanti ġodda li se jagħmlu użu minn jet skis sabiex ikunu jistgħu jsegwu t-tiġrijiet aktar mill-qrib. Qed nibdlu wkoll is-sekwenza tat-tiġrijiet biex ir-riżultati marbuta max-shields jinġabru aktar flimkien. Dawn il-bidliet kollha qed isiru biex ikollna Regatta organizzata dejjem aħjar, kemm għall-qaddiefa kif ukoll għal dawk kollha li jsegwuha,” qal Borg.

Aktar prominenza se tingħata wkoll lill-qaddiefa. Fis-6 ta’ Settembru se tittella’ inizjattiva ġdida li matulha jiġu ppreżentati l-crews tat-timijiet parteċipanti, jumejn qabel ir-Regatta tal-Vitorja. Din l-inizjattiva se tpoġġi aktar fuq quddiem lill-qaddiefa li bit-taħriġ, id-dedikazzjoni u l-impenn tagħhom huma l-protagonisti ewlenin ta’ dan l-isport. 

Il-Ministru Camilleri saħaq li t-tisħiħ tar-Regatta ma jistax ikun mifrud mill-valur storiku u kulturali tagħha. Għal ġenerazzjonijiet sħaħ, dan l-isport rabat flimkien klabbs, familji u komunitajiet madwar il-Port il-Kbir, filwaqt li sar parti integrali mill-programm nazzjonali tal-attivitajiet tal-Vitorja.

“Ir-Regatta mhix biss kompetizzjoni sportiva. Hija parti minn min aħna. Warajha hemm klabbs, familji u ġenerazzjonijiet ta’ qaddiefa li għaddew din il-passjoni minn ġenerazzjoni għall-oħra. Ir-responsabbiltà tagħna llum hija li nħarsu din it-tradizzjoni, iżda wkoll li nagħtuha l-għodod biex tevolvi, tattira qaddiefa ġodda u tibqa’ b’saħħitha għas-snin li ġejjin. Għalhekk se nkomplu naħdmu mal-klabbs u ma’ dawk kollha li għandhom għal qalbhom ir-Regatta biex flimkien niktbu l-kapitlu li jmiss ta’ dan l-isport,” qal il-Ministru Camilleri.

Ir-Regatta tal-Vitorja se ssir fit-8 ta’ Settembru fil-Port il-Kbir u hija marbuta maċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali tal-Vitorja. Il-ġurnata tfakkar ġrajjiet ewlenin fl-istorja ta’ Malta, bil-Port il-Kbir innifsu jkun protagonista f’mumenti determinanti fl-istorja tal-pajjiż. 

Il-Ministru Camilleri awgura lill-qaddiefa kollha għall-kompetizzjoni u appella biex il-passjoni u r-rivalità li jagħmlu r-Regatta daqstant distintiva jibqgħu dejjem imsejsa fuq ir-rispett u l-ispirtu sportiv, kemm fir-rebħa kif ukoll fit-telfa.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport