Saturday, May 4, 2024

Din il-ġimgħa se jitqassmu kważi €2 miljuni f’għajnuna għal tfal b’diżabilità

Aqra wkoll

Fi tmiem din il-ġimgħa se jkunu qed jitħallsu l-pagamenti t’erba’ benefiċċji soċjali. Dawn huma ċ-Children’s Allowance, l-Allowance għal tfal b’diżabilità, il-Fostering Allowance u l-Għajnuna Supplimentari. Dan se jkun it-tieni pagament ta’ dawn il-benefiċċji għal din is-sena.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn sostna li sal-aħħar ta’ Frar 2024, il-Ministeru implimenta 25 minn 35 miżura tal-Budget 2024, li jfisser illi diġà ġew mwettqa 71.4% tal-miżuri kollha tal-Budget 2024.

Minn Jannar sa Ġunju tal-2024 se jkunu nħarġu €29,482,780 fuq pagamenti taċ-Children’s Allowance, €1,857,987 għall-Allowance ta’ tfal b’diżabilità, €720,992 fuq Fostering Allowance u €8,206,518 fuq benefiċċji tal-Għajnuna Supplimentari. Sal-ewwel nofs ta’ din is-sena €40 miljun se jkunu marru fil-bwiet ta’ 63,000 familja li jinkludu 163,000 persuna u 63,000 tifel u tifla.

Intant il-pagament taċ-Children’s Allowance tul din is-sena, qed jara żieda ta’ €250, b’din iż-żieda tkun l-akbar waħda fil-ħamsin sena li ilu jeżisti dan il-benefiċċju.

“Il-Gvern impenjat illi jkompli jsaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tan-nies permezz t’aktar benefiċċji b’saħħithom u li jmorru fejn hemm l-aktar bżonn,” temm jgħid il-Ministru Falzon.

Sport