Sunday, December 22, 2024

Diretturi u eżekuttivi tal-BOV bi żjara ta’ korteżija lill-President ta’ Malta

Aqra wkoll

Iċ-Chairman tal-Bank of Valletta, Dr Gordon Cordina, il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia, Diretturi u membri tal-Kumitat Eżekuttiv wettqu żjara ta’ korteżija lill-E.T. Myriam Spiteri Debono fil-Palazz ta’ Sant’Anton f’Ħ’Attard.

Iż-żjara, l-ewwel waħda minn meta l-E.T. Spiteri Debono nħatret President ta’ Malta, serviet ta’ okkażjoni sabiex jiġġeddu r-rabtiet bejn il-Bank of Valletta u l-Uffiċċju tal-President hekk kif iż-żewġ naħat jikkollaboraw bejniethom ta’ spiss matul is-sena f’bosta inizjattivi. Il-Bank of Valletta huwa sinonimu għall-appoġġ li jagħti lill-Malta Community Chest Fund permezz tal-Kampanja L-Istrina BOV Piggy Bank li din is-sena timmarka l-21 edizzjoni konsekuttiva, kif ukoll permezz ta’ inizjattivi oħra varji b’risq L-Istrina u li l-BOV jappoġġja mill-qalb.

Matul iż-żjara, Dr Gordon Cordina saħaq fuq l-importanza tal-Bank of Valletta fl-ekonomija Maltija. “Meta wieħed iqis id-daqs tal-klijentela tal-Bank, u għaldaqstant ir-relazzjoni diretta mal-ekonomija lokali, il-BOV huwa kkunsidrat ta’ importanza sistemika, li jaqa’ taħt is-superviżjoni diretta tal-Bank Ċentrali Ewropew, b’obbligi u aspettattivi onerużi fil-qasam regolatorju.

Din ir-rilevanza sistemika, tpoġġi responsabbiltà sinifikanti fuqna sabiex inkunu ta’ sostenn għas-soċjetà in ġenerali u l-ħafna komunitajiet li nservu sew jekk personali jew kummerċjali.

Li nsaħħu r-rabtiet tagħna mal-Uffiċċju tal-President jgħinna wkoll biex il-Bank jibqa’ jkun ċittadin responsabbli hekk kif nallinjaw l-attivitajiet tagħna ma’ dawk tal-Uffiċċju tal-President sabiex inkomplu nittrasformaw il-futur ta’ pajjiżna.”

Fuq l-istess binarji, Kenneth Farrugia tkellem dwar l-impenn tal-Bank lejn is-soċjetà permezz tal-Programm Komunitarju estensiv. “Din is-sena hija waħda speċjali għall-BOV hekk kif qed nikkommemoraw il-50 sena minn meta ftaħna l-bibien għall-ewwel klijenti.

Qed infakkru dan l-avveniment b’bosta attivitajiet, perὸ wieħed mill-aspetti prinċipali ta’ dan l-anniversarju huwa l-element ta’ Responsabbiltà Soċjali Korporattiva permezz ta’ bosta proġetti maġġuri li qed inniedu matul is-sena. Tajjeb insemmu wkoll, li l-Bank ilu sa mit-tnedija tiegħu 50 sena ilu jaġixxi ta’ ċittadin responsabbli u xhud ta’ dan hija l-Malta Community Chest Fund li ilna naħdmu magħha għal deċennji sħaħ.

Is-sena l-oħra biss, il-BOV għen sabiex jinġabru iktar minn €53,000 mill-Kampanja L-Istrina BOV Piggy Bank filwaqt li kollettivament, permezz tal-istess kampanja u donazzjonijiet oħra mogħtija mill-Bank tul is-snin, inġabru iktar minn €3 miljun għall-Istrina. Ix-xogħol imprezzabbli li jwettaq l-Uffiċċju tal-President jiggwidana sabiex inservu l-komunità bl-aħjar mod possibbli permezz ta’ servizzi finanzjarji u attivitajiet filantropiċi għall-benefiċċju tas-soċjetà u ta’ dawk fil-bżonn.”

L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono laqgħet din iż-żjara ta’ korteżija mill-Kap Eżekuttiv u ċ-Chairman tal-BOV flimkien mad-Diretturi, l-Kumitat Eżekuttiv u t-tim tas-CSR.

Il-President faħħret il-mod kif il-Bank of Valletta permezz tas-servizzi tiegħu jara li jkun ta’ servizz għall-Soċjetà Maltija u saħqet fuq il-fatt li l-BOV huwa wieħed mill-pilastri tal-ekonomija Maltija.

Matul din iż-żjara, il-President irringrazzjat lill-Bank għas-sostenn kontinwu li jipprovdi lill-Malta Community Chest Fund. “Permezz ta’ diversi attivitajiet matul is-sena, bħall-Kampanja L-Istrina BOV Piggy Bank, il-BOV jkompli jappoġġja inizjattivi sabiex jgħin lil dawk li l-aktar għandhom bżonn is-servizzi tal-Malta Community Chest Fund.”

Ekonomija

Sport