Saturday, October 26, 2024

Disgħin sena ilu l-lingwa Maltija saret il-lingwa uffiċjali ta’ pajjiżna

Aqra wkoll

Wara ħidma biex il-Maltin jitgħallmu jiktbu u jaqraw b’ilsienhom stess, fejn fuq quddiem ta’ din il-ħidma u wieħed minn tal-bidu kien Mikiel Anton Vassalli, kien proprju bħal bieraħ 90 sena ilu li l-lingwa Maltija, saret il-lingwa uffiċjali ta’ pajjiżna, flimkien mal-lingwa Ingliża.

Ta’ min wieħed ifakkar li Mikiel Anton Vassalli, li kien jemmen bi sħiħ li biex Malta ssir nazzjon hemm bżonn li uliedha jitgħallmu l-lingwa tagħha, kien l-ewwel studjuż li poġġa sisien għal lingwa Maltija u dan billi ippubblika l-alfabett Malti. Il-ħolm ta’ Vassalli dam ma twettaq.

Dan seħħ għax il-ħakma Ingliża f’Malta aktar kien moħħha biex iddaħħal il-kultura Ingliża qalb il-poplu u l-amministrazzjoni. Biss, fi żmien meta kien hemm ir-Risorgiment Taljani, f’Malta imnebbħin minn dak li kien qed jiġri fl-Italja bdew ħerġin għadd ta’ kittieba, li ħadmu bla heda favur l-ilsien Malti. Jgħaddi ż-żmien u titwaqqaf l-Għaqda Kittieba tal-Malti proprju ftit wara l-Ewwel Gwerra Dinjija. Wieħed jirrimarka li fost il-membri kien hemm il-poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila.

Kien fl-1934, il-Malti ġie rikonoxxut bħala lingwa uffiċjali flimkien mal-Ingliż u t-Taljan, filwaqt li l-Kostituzzjoni tal-1961 iddikjarat il-Malti u l-Ingliż bħala ilsna uffiċjali. Ġara li imbagħad fil-Kostituzzjoni ta’ Malta Indipendenti insibu distinzjoni importanti u dan għax l-artiklu 5 speċifika li l-lingwa nazzjonali hi l-Malti, li l-lingwi uffiċjali huma l-Malti u l-Ingliż u li l-lingwa tal-Qrati hi l-Malti. Il-Kostituzzjoni ta’ Malta Repubblika imbagħad ikkonfermat ukoll dan. Pass ieħor ‘lquddiem għal lingwa Maltija sar mad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fejn l-Ilsien Malti ġie rikonoxxut bħala lsien uffiċjali fost 24 lingwa.

Ilbieraħ il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, permezz ta’ post fuq il-pjattaforma X, qal li pajjiżna huwa kburi bil-lingwa tiegħu, u li huwa determinat li jissalvagwardja u jippromwovi l-ilsien Malti.

Sport