Diskors bla sustanza u mingħajr proposti mill-Kap tal-Oppożizzjoni, b’differenza ċara minn Gvern Laburista li qed ikompli jkun tarka għall-familji u n-negozji

Aqra wkoll

Għal sena oħra, id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg kien wieħed negattiv, nieqes mis-sustanza u mingħajr ebda pożizzjoni. Ir-replika ta’ Alex Borg dwar il-Budget kompliet tikxef in-nuqqas ta’ ideat u kompetenza ekonomika tal-Partit Nazzjonalista. Dan minkejja li l-Partit Laburista kien diġà kixef u kkorreġa żbalji ekonomiċi fid-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni, ftit siegħat qabel huwa tkellem fil-parlament, diskors li ġie leaked minn sorsi qrib ħafna ta’ Alex Borg.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Whip u Membru Parlamentari Laburista Naomi Cachia qalet li minkejja diskors ta’ sagħtejn, Alex Borg naqas milli jsemmi s-sussidji tal-enerġija li Gvern Laburista se jkompli jiggarantixxi b’investiment ta’ €400 miljun. Sostniet li dawn huma possibbli grazzi għal ekonomija b’saħħitha li tipproteġi lill-familji u lin-negozji Maltin u Għawdxin.


Hija fakkret li dan il-Budget mhux biss qed iżomm l-għajnuniet eżistenti, iżda qed isaħħaħhom b’miżuri ġodda, fosthom żieda oħra fil-pensjonijiet, it-tnax-il waħda konsekuttiva ta’ Gvern Laburista li b’kollox jammontaw għal aktar minn €93 fil-ġimgħa. Dawn jiżdiedu mal-pensjoni sħiħa għar-romol, l-irduppjar tat-tax cut għall-ġenituri li jaħdmu, żieda fil-Carer’s Grant u l-ħlas kollu għat-terapija ta’ tfal b’diżabilità.


Saħqet ukoll li l-Gvern se jżomm kelmtu dwar is-Super Bonus għall-ħaddiema, inkluż dawk part-time. Fuq in-naħa l-oħra imbagħad hemm il-Kap tal-Oppożizzjoni, u l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista u issa kelliem tal-finanzi tal-istess partit, li lanqas fuq is-Super Bonus ma jistgħu jaqblu.


Min-naħa tagħha, Ramona Attard qalet li l-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ wera kemm l-Oppożizzjoni hija konfuża u nieqsa minn direzzjoni ċara, hekk kif diversi proposti li kien qassam lill-midja minn qabel, lanqas biss semmiehom fid-diskors tiegħu. Minkejja li l-Partit Nazzjonalista pprova jagħti stampa differenti, din il-konfużjoni tikkonferma l-paniku li ħakem lill-Alex Borg wara l-leaks tal-Partit Laburista, liema leaks ġew ikkonfermati fid-diskors tal-bieraħ filgħaxija.


Attard semmiet fost l-oħrajn il-proposta dwar rifużjoni ta’ 50% fuq l-imgħaxijiet tas-self għall-first-time buyers, li dwarha Alex Borg ma ta ebda dettalji fid-diskors tiegħu. Semmiet ukoll il-proposti dwar il-work permits u l-pagi, fejn qalet li l-Kap tal-Oppożizzjoni naqas milli juri għarfien tal-miżuri u l-miri li diġà jeżistu, fosthom dawk fil-Malta Vision 2050.


Hija kkritikat ukoll il-pożizzjoni inkonsistenti tal-Partit Nazzjonalista dwar il-ħaddiema barranin, filwaqt li wissiet li t-tnaqqis fil-miżati tal-work permits u l-eco tax jista’ jdgħajjef il-kompetittività u t-turiżmu ta’ kwalità li pajjiżna jrid ikompli jattira. Attard qalet li l-Oppożizzjoni qed tikkopja l-proposti tal-Gvern jew tibdel il-pożizzjoni tagħha skont lejn fejn jonfoħ ir-riħ, mingħajr ma toffri viżjoni kredibbli għall-futur tal-pajjiż.


Il-kelliema tal-Partit Laburista temmew billi qalu li, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ joffri negattività u konfużjoni, Gvern Laburista qed jipprovdi stabbiltà, serħan il-moħħ u sostenn lill-Maltin u lill-Għawdxin f’kull stadju ta’ ħajjithom.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport