“Malta Miegħek! Miegħek bħal qatt qabel, f’kull pass tal-ħajja, Ħalli inti tkun suċċess!! Malta Miegħek – int ħaddiem li taħdem tant biex tilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħek. Għalik – is-Super Bonus!! Tajna wegħda lill-ħaddiema – U wettaqniha! Mill-ewwel budget.”
Hekk qal il-Prim Ministru Dr Robert Abela fil-kontra-replika tal-Budget li tressaq minn Gvern Laburista nhar it-Tnejn 26 ta’ Ottubru li għadda.
Kompla jgħid li 1000 ewro se tkun qiegħda tingħata kull sena, “sakemm nibqgħu niġu fdati mmexxu.”
Il-Prim Ministru qal li dan hu sostenn kbir “għalik ħaddiem, għalik self-employed,” biex tkompli ttejjeb il-wellbeing tiegħek.
Stqarr li bil-mod kif twettaq is-Super Bonus “tfajna 200 miljun ewro fl-ekonomija tagħna li minnhom igawdu l-familji, u indirettament in-negozji.”
Dr Abela qal li min hu pensjonant u għadu jaħdem se jkun qiegħed jieħu s-super bonus ukoll flimkien maż-żieda fil-pensjoni.
Alex Borg ħass aktar importanti li jitkellem dwar il-kafe u t-toast
Il-Prim Ministru Abela fil-Parlament fakkar li dan il-Gvern għal darb’oħra se jkun qiegħed jagħti sussidji fuq l-enerġija biex il-prezzijiet jibqgħu baxxi.
“Ejjew nifmhu l-kobor ta’ din il-miżura… 400 miljun f’għajnuna… u lbieraħ f’diskors ta’ sagħtejn ma samjniex kelma waħda li hi waħda fuq is-sussidji mill-Kap tal-Oppożizzjoni. Baħħ assolut… F’mument li d-dinja għaddejja minn kriżi tal-enerġija, ħass li aktar hu importanti li jitkellem fuq il-kafe u t-toast,” tenna l-Prim Ministru b’referenza għal dak li qal Dr Borg ilbieraħ meta qal li ż-żieda fil-pensjoni ma tixtrix kafe u toast.
“Minn ġimgħa ilu bdiet taħraqqkom qalbkom ghall-ħaddiema barranin”
Il-komunità tan-negozju taf li ma’ Gvern Laburista mexxi minn Robert Abela rasha mistrieħa u l-investiment tagħha protett. “Jien irridkom tkomplu tikbru…” qal il-Prim Ministru fid-diskors tiegħu fil-Parlament.
“U mela jiġi l-Kap tal-Oppożizzjoni lbieraħ jgħid li aħna nattakkaw in-negozji? Saqsihom lin-negozji. Kif kienu taħtkom, u kif qegħdin illum? Ilkom snin tħambqu bl-overpopulation minħabba l-ħaddiema barranin. Issa minn ġimgħa ilu bdiet taħraqqkom qalbkom ghall-ħaddiema barranin,” kompla jgħid il-Prim Ministru.
Dr Abela rringrazzja lin-nogozji kollha għax skont hu kien bis-saħħa tal-investimenti tagħhom li nħoloq dan ix-xogħol kollu u bis-saħħa tad-dħul rekord li ġġenerajtu lill-Gvern “stajna nwettqu dan l-akbar Budget fl-istorja.”
“Dan hu Budget ta’ direzzjoni strateġika”
Il-Prim Ministru Dr Abela qal li dan hu budget ta’ direzzjoni strateġika… “Fejn fejn se morru bħala pajjiż… fejn aktar mal-maltemp hu qawwi aktar qed inżommu l-bastiment għaddej stabbli…”
Kien hawn li Dr Abela qal li wegħdna kontijiet stabbli… “Ħadd fl-Ewropa ma hu kapaċi jwettaq din il-garanzija imma aħna iva…” filwaqt li fakkar li fil-bqija tal-Ewropa il-kontijiet tal-elettriku żdiedu bil-qawwa, il-prezz tal-petrol spara ‘l fuq…
B’effett mill-1 ta’ Jannar li ġej, is-servizz tal-Gozo Channel se jkun bla ħlas għall-Għawdxin u l-Maltin kollha li jaqsmu bil-pass.
Hekk ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela meta qiegħed jindrizza l-Parlament fil-kontra-replika tiegħu għad-diskors li għamel ilbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni.
“B’hekk se nkunu wettaqna wegħda oħra tal-manifest elettorali. Din l-miżura testendi wkoll għaċ-ċittadini tal-EU, u dawk li jgawdu minn long term resident status,” ħabbar il-Prim Ministru.
