Dr Lydia Abela żaret l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS), fejn iltaqgħet ma’ studenti, edukaturi, l-amministrazzjoni u membri oħra tal-istaff li kuljum jaħdmu biex isaħħu l-ħiliet fis-settur tat-turiżmu u l-ospitalità.
Mart il-Prim Ministru faħħret il-ħidma tal-ITS, li sa mit-twaqqif tiegħu fl-1987 serva ta’ skola ewlenija fil-formazzjoni ta’ professjonisti għas-settur tat-turiżmu u l-ospitalità, settur li jibqa’ wieħed mill-pilastri tal-ekonomija Maltija. Permezz ta’ korsijiet speċjalizzati, laboratorji moderni, kċejjen ta’ taħriġ u spazji prattiċi għall-ospitalità, l-istudenti jingħataw esperjenza diretta ta’ dak li se jiltaqgħu miegħu fid-dinja tax-xogħol. L-istitut joffri wkoll mogħdijiet ta’ tagħlim minn livelli bażiċi sa livell ta’ Master’s, biex kull student ikun jista’ javvanza skont il-ħiliet u l-aspirazzjonijiet tiegħu.
Dr Abela qalet li l-proposti tal-Manifest ‘Int Malta’ juru kemm il-Partit Laburista fil-Gvern jibqa’ jkun maż-żgħażagħ f’kull pass li jieħdu f’ħajjithom – mill-vjaġġ edukattiv tagħhom, għal meta jidħlu fid-dinja tax-xogħol, sa meta jiġu biex jixtru l-ewwel dar tagħhom u fil-kumplament ta’ ħajjithom. Hija saħqet li dawn il-miżuri jibnu fuq dawk li diġà qegħdin fis-seħħ u li qed iħallu riżultati pożittivi.
“L-istudenti għandhom jingħataw l-għodod kollha biex jirnexxu, mhux biss fil-klassi iżda wkoll permezz ta’ esperjenzi prattiċi u internazzjonali. Għalhekk, qed naraw li nkomplu ninvestu fihom b’żieda oħra ta’ 15% fl-istipendju u b’grant ta’ €1,000 għal studenti li jagħmlu esperjenzi edukattivi għal semester barra l-pajjiż, bħal Erasmus+,” qalet Dr Abela.
Matul iż-żjara tagħha, Dr Abela żaret il-pastry lab, fejn segwiet mill-qrib it-taħriġ prattiku li jingħata lill-istudenti. Hija ħadet sehem ukoll f’diskussjoni informali mal-għalliema u l-istudenti, kif ukoll ipparteċipat f’attività ta’ tisjir flimkien ma’ uħud minn dawk li qed isegwu l-istudji f’dan l-istitut edukattiv u l-edukaturi tagħhom. Barra minn hekk Dr Abela kellha wkoll l-opportunità tiltaqa’ ma’ dawk li kienu qed jingħataw servizz fir-Runway Restaurant, restorant immexxi mill-ITS stess u li permezz tiegħu l-istudenti jkunu qed jagħmlu l-prattika u jesperjenzaw atmosfera reali tal-karriera li jaspiraw li jsegwu.


