Mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela nediet il-ħames edizzjoni tal-inizjattiva ‘Rigal b’Imħabba’. Fil-preżenza ta’ kor tat-tfal li anima lil dawk preżenti bl-għanjiet tal-Milied, Dr Abela tkellmet dwar din l-inizjattiva favur it-tfal vulnerabbli biex huma wkoll jirċievu rigal frott l-imħabba tal-poplu Malti u Għawdxi.
Lydia Abela fakkret fiż-żagħżugħ Jake Vella, li sena ilu kien propju magħqud magħna jieħu sehem f’din l-inizjattiva. Sellmet il-memorja tiegħu li bl-altruwiżmu li wera matul ħajtu, ispira bosta nies. Qalet li llum Jake jservi ta’ ispirazzjoni ġdida għalina biex ‘Rigal b’Imħabba’ ta’ din is-sena nagħmlu suċċess ieħor. “Min qatt kellu jgħidli li lura fl-2020, din is-sempliċiment ħolma żgħira li kellna Giorgia u jien kienet se tasal hawnhekk – Rigal b’Imħabba ikbar u isbaħ, bl-involviment tal-lokalitajiet kollha”, saħqet Dr Abela.
Lydia Abela spjegat kif din is-sena l-inizjattiva se ssir bis-sehem sħiħ tal-Kunsilli Lokali bil-għan li tikseb suċċess akbar. Għal dan il-għan f’diversi ibliet u rħula se tinxtiegħel siġra tal-Milied fejn ir-residenti jkunu jistgħu jpoġġu r-rigali tagħhom hawnhekk bejn it-12 u d-19 ta’ Diċembru. Spjegat li fl-20 ta’ Diċembru dawn ir-rigali se jinġabru u jitpoġġew taħt is-siġra tal-Milied li tiġi mtella’ fi Pjazza Kastilja. Għall-ewwel darba din is-sena wkoll, it-tfal tal-iskejjel kollha madwar Malta u Għawdex qed jiġu mistiedna jieħdu sehem f’din l-inizjattiva billi jagħtu rigal li bih se jferħu tfal oħrajn.
Lydia Abela stiednet lill-familji kollha biex il-Ġimgħa 20 ta’ Diċembru jingħaqdu flimkien għal ġurnata mimlija attivitajiet fil-Villaġġ tal-Milied fi Pjazza Kastilja filwaqt li jpoġġu r-rigali tagħhom taħt is-siġra. Dan il-Villaġġ ser ikun miftuħ għal ġimgħa sħiħa bejn it-Tnejn 16 ta’ Diċembru u il-Ġimgħa 20 ta’ Diċembru fejn se jkun hemm diversi attivitajiet tal-Milied.
Matul it-tnedija Dr Abela ħabbret ukoll li din is-sena se terġa’ tittella’ l-inizjattiva Rigal b’ Imħabba b’Differenza fl-isptar Mater Dei b’tifkira ta’ Jake Vella li tant kellu għal qalbu l-għarfien tal-annimali abbadunati. Hawnhekk qed terġa’ ssir stedina sabiex jinġabru prodotti jew ikel għall-annimali fis-sala tal-Isptar Mater Dei.
L-inizjattiva ‘Rigal b’Imħabba’ issir bil-koperazzjoni ta’ bosta awtoritajiet u uffiċjali li jgħarblu r-rigali u mbagħad iqassmuhom frott il-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi. Din is-sena Rigal B’Imħabba qed issir b’kollaborazzjoni ma’ Magic 91.7.