Sunday, December 22, 2024

“Dwari l-inkjesta ma sabet assolutament xejn”

- l-eks PM Joseph Muscat

Aqra wkoll

“Issa li ġiet ippubblikata u mhux se nidħol fil-mertu kif, nista’ nikkummenta aħjar dwar din il-famuża inkjesta li damet 4 snin u nofs biex issir u swiet 11-il mijun ewro minn flus il-poplu. Dwari din l-inkjesta ma sabet assolutament xejn. Lanqas prova waħda. Biss konġetturi, ħsibijiet, assunzjonijiet li għamlu ‘l hekk imsejħa esperti.” Qal dan l-eks Prim Ministru Joseph Muscat f’filmat li tella’ fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook b’rabta mal-inkjesta maġisterjali dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet lil Vitals Global Healthcare u eventwalment lil Steward Health Care.

Huwa se jkun qiegħed jidher fil-Qorti għada biex iwieġeb għal diversi akkużi. Fil-kummenti tiegħu, Dr Muscat saħaq li l-inkjesta ma sabet xejn fil-konfront tiegħu filwaqt li ddeskriva r-rapporti tal-esperti f’xi waqtiet “kontradittorji”. Qal li 11-il miljun ewro ssarrfu biex instabu b’€60,000 tranżazzjonijiet ta’ xogħol li huwa għamel u li qalilhom bihom hu stess għaliex iddikjarahom fit-taxxa.Madankollu, huwa qal li xorta waħda kien hemm xi ħadd li ddeċieda li minkejja dan kollu tinħareġ ordni ta’ ffriżar tal-assi ta’ 30 miljun ewro li fi kliemu stess “ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni minn fejn ġejjin.”

Dr Muscat kompla jgħid li “jidher li b’din it-tieni Egrant xi ħadd qagħad fuq persuna Indjana li jgħid li sema’ jew intqal lilu illi jien b’xi mod stajt ħadt miljuni imma dawn il-miljuni ma nstabu imkien u saħansitra hemm kumment illi min jaf jekk jieħu dawn il-miljuni kollha f’cash… bħallikieku dik hi xi ħaġa li tista’ qatt tkun kredibbli.”

L-eks PM insista li llum il-ġurnata fadal biss sitwazzjoni ta’ konġetturi u issa l-attakk huwa “imma x’seta’ kien jaf Joseph jew x’seta’ ma kienx jaf.” Dwar dan huwa qal li se jwieġeb meta jasal il-waqt, kif tenna li jħares ‘il quddiem li jwieġeb għal kumment li hemm “isma ma sibniex biżżejjed provi dwar ix-xogħol li għamel li għalihom tħallas dawn is-€60,000.”

“Nistaqsi għalfejn ma tlabtunix biex nixhed biex nagħti dawn il-provi? Għalfejn ma bgħattux għalija kif kont ili nitlob biex nagħti dawn il-provi. Issa dawn nagħtihom meta jasal il-waqt fil-Qorti biex nuri kemm fil-verità hemm xogħol li kien sar b’xhieda u fatti ppruvati,” tenna Dr Muscat.“Issa se nibdew il-proċess tal-Qorti, proċess li qabel beda diġa’ waqgħet akkużi fuq waħda mill-kumpaniji għaliex din il-kumpanija qas kienet teżisti fi żmien meta ġie investigat dan il-każ.

Il-problema se tkun li din il-kawża se ttul. Imma ninsab riżolut, iffukat li dan il-kastell tar-ramel mimli b’ħafna konġetturi u issa ċar u tond b’lanqas prova waħda fil-konfront tiegħi, lest biex inkompli naħdem, niġġieled anke waħdi, biex dan il-kastell tar-ramel li nbena jkun qed jitkaxkar għalkollox b’mewġa, b’tsunami ta’ fatti u provi li nġib fiż-żmien li ġej.”

Dr Joseph Muscat temm jirringrazzja lil dawk kollha li wrew appoġġ miegħu f’dawn iż-żminijiet importanti u filwaqt li appella għall-kalma u s-serenità, tenna li m’għandux dubju li se jkunu qed joħorġu fatti improtanti ħafna li juru kif fil-konfront tiegħu reġa’ kien hemm min kien qed jipprova jagħmel u jaħmi gidba, li din il-gidba se ddur fuq min kien qed jagħmilha.

Ekonomija

Sport