Monday, October 28, 2024

€1,164 multa wara li laqat ħaddiem bi trakk f’impjant tal-WasteServ

Aqra wkoll

Delfin Baniquard Dacayanan, Filippini ta’ 68 sena li jgħix il-Pietà ġie mmultat €1,164 wara li nżamm responsabbli għal inċident li kien seħħ fl-2019 fl-impjant tal-Magħtab imexxi minn WasteServ

Il-Filippin kien akkużat li fil-5 ta’ Diċembru ta’ 3 snin ilu meta kien impjegat ma’ WasteServ, bi traskuraġni kkaġuna ġrieħi lil ħaddiem ieħor.

Dakinhar li seħħ l-inċident il-pulizija kienet irċiviet rapport li kien hemm ħaddiem maqbud bejn żewġ trakkijiet fl-impjant. L-akkużat kien qal lill-pulizija li fuq il-post kien hemm diversi trakkijiet u kien ammetta li kien hu li laqat lill-vittma waqt li kien qiegħed jirriversja.

Jirriżulta li r-raġel mhux soltu li kien isuq it-trakk iżda ġie mitlub mis-superjuri tiegħu biex jagħmel dan ix-xogħol minħabba li dak li jsuq it-trakk is-soltu kien bil-leave.

Il-vittma qal li hu kien mar il-Magħtab biex jarmi xi skart u hekk kif niżel mit-trakk tiegħu ra lill-akkużat jirriversja, iżda ma kellux ċans jitlaq biex jevitah. Konsegwenza ta’ dan hu spiċċa laqtu.

Qal li hu ma ġiex mgħaffeġ iżda weġġa siequ. Hu xehed li kienu l-ħaddiema oħrajn tal-WasteServ li ndunaw b’dan l-inċident u mill-ewwel ċemplu għal ambulanza. 

Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, qalet li mill-provi mressqin quddiemha l-kumpanija WasteServ kellha r-responsabbilità li tara li r-regolamenti tas-saħħa u sigurtà jkunu mħarsin. Qalet ukoll likemm il-vittma u anke l-akkużat kellhom jingħataw struzzjonijiet ċari biex istgħet saret il-manuvra li saret u b’hekk kien jiġi evitat l-inċident.

Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat qalet li hija kkundisrat r-responsabbilità li kienet qed iġorr il-kumpanija u għalhekk l-akkużat ma kienx ħaqqu li jingħata piena ta’ ħabs.

Fuq dawn ir-raġunijiet u oħrajn il-Qorti kkundannat lil Delfin Baniquard Dacayanan ulta ta’ €1,164.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Roderick Spiteri u Ritianne Gauci.

Sport