Il-Gvern qed jinvesti €35 miljun fir-restawr u r-riġenerazzjoni tal-wirt arkitettoniku Malti. Fl-istess waqt, għaddejja r-reviżjoni tal-politika DC15, magħrufa bħala DC27, bil-għan li jinħoloq qafas aktar ċar u modern.
Qal dan il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard waqt id-diskussjoni parlamentari b’rabta mal-estimi finanzjarji għal dan il-Ministeru.
Huwa qal ukoll li r-riforma tal-Appelli fl-Ippjanar tinsab riesqa lejn il-konklużjoni tagħha u li jħares ’il quddiem għall-istadju tal-kumitat.
Dwar l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), huwa qal li din qiergħda tagħlaq ħames snin mit-twaqqif tagħha u li f’dan iż-żmien saru passi importanti fosthom aktar kontrolli, spezzjonijiet, taħriġ u servizz għaċ-ċittadin.
“Is-servizz Servizz lit-Terz joffri għajnuna legali u teknika bla ħlas minn avukati u periti.
“Fl-ewwel xhur ta’ din is-sena għamlu użu minnu madwar 500 persuna.
“Daħħalna wkoll mekkaniżmu ta’ assistenza finanzjarja għal persuni li jsofru ħsarat minħabba xogħlijiet ta’ kostruzzjoni,” kompla jgħid il-Ministru Attard.
Sal-aħħar ta’ Ottubru, il-BCA wettqet kważi 20,000 spezzjoni fuq siti ta’ kostruzzjoni u ħarġet aktar minn 3,400 ordni ta’ waqfien mix-xogħol.
Flimkien mal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) saru wkoll madwar elf spezzjoni konġunta.
Qed tkompli wkoll ir-riforma tal-liċenzjar. Sal-lum ġew liċenzjati 3,429 kuntrattur u 1,932 bennej.
Is-sena d-dieħla l-bennejja se jiġu klassifikati fi tliet kategoriji, skont it-tip u l-livell tax-xogħol li jistgħu jwettqu.
Il-BCA waqqfet ukoll Sezzjoni tal-Edukazzjoni li toffri korsijiet akkreditati.
Aktar minn 5,300 ħaddiem għandhom l-iSkill Card, u l-għan huwa li sa nofs is-sena d-dieħla kull ħaddiem fis-settur ikollu din iċ-ċertifikazzjoni.
Qed jitħejja wkoll il-Kodiċi Nazzjonali għall-Bini u l-Kostruzzjoni, li se jitressaq għal konsultazzjoni pubblika fil-ġimgħat li ġejjin.
