Thursday, December 26, 2024

“Ebda tama” li jixhed il-vittma tas-serqa fiż-Żurrieq

Aqra wkoll

Konsulent kirurġiku xehed li l-vittma tas-serqa minn ħanut fiż-Żurrieq f’Awwissu li għadda, m’għandux ċans li jixhed. 

Waqt li kompliet il-kumpilazzjoni kontra tliet persuni mixlija bis-serqa u bl-attentat ta’ qtil ta’ Joseph Carabott, il-konsulent kirurġiku Anthony Zrinzo xehed li sa issa Carabott irnexxielu biss jiftaħ għajnejh u jieħu n-nifs. 

B’rabta ma’ dan il-każ tressqu l-Qorti Donna Borg Sciberras ta’ 29 sena, Mohamed Anas Boualam ta’ 37 sena u Zuhair Hadoumi ta’ 26 sena li qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom. 

F’seduta preċedenti, ulied il-vittma kienu qalu li wara l-aggressjoni, missierhom spiċċa “agħar minn mejjet”. 

L-Erbgħa li għadda, xehed il-konsulent kirurġiku Anthony Zrinzo li ta dettalji dwar il-ġrieħi li sofra l-vittma meta ddaħħal fl-emerġenza fil-25 t’Awwissu li għadda.

Intqal li l-pazjent kien mitluf minn sensih, u kellu diversi tbenġil u nefħiet filwaqt li kellu wkoll xi ksur fil-kustilji. CT Scan ieħor wera li Carabott sofra minn puplesija. 

Ix-xhud qal li minn dakinhar ‘l hawn ma kien hemm ebda sinjal ta’ fejqa u ġie trasferit fit-taqsima għal kura fit-tul. 

Meta mistoqsi jekk hemmx ċans li l-vittma jixhed, ix-xhud wieġeb li “le” u li l-qagħda tiegħu baqgħet l-istess matul dawn l-aħħar ħames xhur.

Tabib ieħor xehed li meta kien fl-ITU, Carabott kulma għamel fetaħ għajnejh u ttewweb. Qal li tpoġġa fuq il-magni u beda jieħu n-nifs. 

Il-każ, li qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, ikompli fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati Anthony Vella u Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Shaun Pawney, Lydon Zammit, Jonathan Cassar u Stephen Gulia.

L-avukati Mark Mifsud Cutajar, Brandon Muscat u Maria Karlsson qed jidhru għall-imputati mentri l-avukat Stephen Tonna Lowell qed jidher parte civile.

Ekonomija

Sport