Sunday, December 22, 2024

“Enzo jħobb lil Malta u l-lingwa li tant jgħożż… ħasra li dik il-waqgħa traġika waqfitu milli jkompli b’xogħlu”

Tgħid dan mart Enzo Gusman; Illum għalaq 74 sena

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-ammirazzjoni li Enzo Gusman għandu mill-ammiraturi tiegħu hija mistħoqqa kif jixhed kull min iltaqa’ miegħu jew kien jafu matul ħajtu. Huwa persuna li jħobb jagħti iktar milli jirċievi. 

Dawn huma kliem martu, Carmen Gusman, li qaltilna li Enzo minn dejjem ħadem ħafna u huwa perfezzjonist f’qalbu. Apparti minn hekk qalet li Enzo jħobb lil Malta u l-lingwa li tant jgħożż.

Enzo, raġel li tassew għandu l-ammirazzjoni ta’ bosta Maltin u Għawdxin, twieled fid-9 ta’ Lulju tal-1947 u proprju llum għalaq 74 sena. Enzo u Carmen iżżewġu fis-6 ta’ Diċembru 1970. Fi kliem tal-ħabib tiegħu u mużiċista, Wilfred Buttigieg, Enzo huwa kantant, kompożitur, awtur u preżentatur tal-ogħla kalibru.

Enzo bħalissa huwa jinsab qed jirkupra saħtu fid-dar li għandhom ġewwa l-Kanada wara li sfortunatament is-sena l-oħra waqgħa u kellu jgħaddi diversi xhur fit-taqsima tal-kura intensiva. Dan l-inċident ħalla lil ġismu mfarrak pero xorta waħda baqa’ jikkumbatti infatti jissorprendi lil martu hekk kif b’tant kuraġġ u perseveranza jaffaċċja kull ġurnata.

Martu qaltilna li Enzo għen u ħeġġeġ lil ħafna nies li qegħdin fix-xandir u fin-negozju tad-divertiment. Fil-fatt ir-rieda tiegħu li jgħin lil kulħadd hija ħafna ikbar milli tista’ tiġi espressa fil-kliem. 

Carmen qaltilna: “Ħasra li din il-waqgħa traġika waqfitu milli jkompli jagħmel ix-xogħol tiegħu u jaqsam l-għarfien u l-esperjenza vasta tiegħu, u jiddeverti lis-semmiegħa tiegħu anke wara li għaddew 52 sena jxandar fuq ir-radju u t-televiżjoni. Ħasra li ma ġiex rikonoxxut uffiċjalment għaliha u naħseb li din hija xewka f’ġenbu!”

Xena li ġiet apprezzata ferm waqt l-edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu kienet proprju dik li dehret il-Ħadd hekk kif f’filmat deher Enzo bi tbissima li tassew spikkat. Huwa sellem lill-Maltin u l-Għawdxin kollha mhux biss lil dawk li jgħixu f’pajjiżna iżda anke dawk li jinsabu madwar id-dinja. Huwa ġie onorat bil-premju l-Għanja li tibqa’ għax-xogħol siewi tiegħu fil-kamp tal-kanzunetta Maltija.

Martu qalet li n-nies spiss jgħidulha li Enzo huwa ikona tal-mużika Maltija u dan bir-raġun għax tassew jibqa’ mfakkar għall-kanzunetti sbieħ tiegħu. Xhieda ta’ dan kollu huma l-għexieren ta’ messaġġi li bosta kitbu fuq il-midja soċjali fl-okkażjoni ta’ għeluq sninu fejn, filwaqt li awgurawlu fejqan ta’ malajr, irringrazzjawh tal-kultura u tal-mużika sabiħa li huwa ta lil Malta li ċertament dawn se jibqgħu għal dejjem.

Ekonomija

Sport