Monday, April 15, 2024

Il-President Taljan u ‘Gli anni di Piombo’

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Ftit tal-ġranet ilu, Sergio Mattarella, il-President Taljan għamel diskors imqanqal fuq tema li missejna b’mod superfiċjali l-ġimgħa l-oħra meta konna qegħdin niddiskutu r-relazzjoni bejn il-lemin estrem li kien jimmilita fl-Italja fis-snin sebgħin u tmenin u l-kriminalità organizzata.

Sergio Mattarella esprima x-xewqa tiegħu li l-poplu Taljan fl-aħħar jagħlaq il-kapitlu xejn sabiħ taż-żmien magħruf bħala “gli anni di piombo’ jew iż-żmien tal-metall, isem li jirreferi għas-sitwazzjoni li kien jgħix fiha l-poplu Taljan bejn l-aħħar tas-snin sittin u l-bidu tas-snin tmenin. Dan il-perjodu ngħata dan l-isem għaliex it-toroq tal-ibliet kienu jkunu mimlija bl-iskrataċ wara xi ġlieda li kienet tkun saret fihom bejn gruppi ta’ żgħażagħ fanatiċi fuq il-politika estrema. 

Mattarella wera l-konvinzjoni tiegħu li ġrieħi ta’ dawk is-snin, li fihom mietu u korrew ħafna nies għan-nom tal-politika, għadhom ma fiqux għalkollox. Skont Mattarella jeħtieġ li t-Taljani jaħfru lil xulxin għal dak li setgħu għamlu f’dawk is-snin. F’dan il-ġlied kienu tilfu ħajjithom 69 ruħ u korrew aktar minn 1,000 persuna. Kienu saru aktar minn 7,000 attentat u kienu rrappurtati aktar minn 4,000 każ ta’ vjolenza.

Però, flimkien ma’ dawn, wieħed irid iżid numru kbir ieħor ta’ vittmi li sfaw feruti jew addirittura tilfu ħajjithom fis-sitt hekk magħrufa straġijiet li saru ġewwa l-Italja u li ħafna jsostnu li kienu l-kulminazzjoni tal-vjolenza tal-‘anni di piombo’. Dan biex ma nsemmux il-mijiet ta’ ommijiet li mietu b’qalbhom maqsuma wara li raw lil uliedhom imutu f’dan il-ġlied li kien hemm f’dik il-ħabta.

L-iswed kontra l-aħmar

F’dawn l-20 sena li qegħdin nirreferu għalihom, l-Italja kienet prattikament fi gwerra ċivili. Però, din il-gwerra ċivili kienet differenti minn dawk li tgħallimna fuqhom fl-istorja għaliex din il-ġlieda mdemmija bejn it-Taljani stess ma kinitx tikkonċerna l-maġġoranza assoluta tal-poplu. Kienet biss gwerra ġewwa l-ġenerazzjoni żagħżugħa, l-aktar bejn dawk li kienu jiffrekwentaw l-universitajiet Taljani.

Kienet ġlieda ideoloġika bejn il-Komunisti li għalihom jirreferi l-kulur ahmar u l-faxxisti jew kif kienu magħrufin bħala s-suwed. Però, din il-ġlieda ma kinitx ibbażata fuq temi ideoloġiċi biss. Kienet ukoll fuq il-mod ta’ kif dawn il-gruppi, li tqatlu kontra xulxin fit-toroq u l-pjazez Taljani, kienu jipperċepixxu l-ħajja. 

Minkejja li ż-żewġ naħat irrikorrew għall-vjolenza, il-mottivi taż-żewġ gruppi għal dan il-ġlied kollu kienu differenti ħafna.

Filwaqt li l-Komunisti kienu qegħdin jiġġieldu sabiex pajjiżhom jimxu fuq dak li kien qiegħed jiġri madwar id-dinja, jiġifieri li l-ħaddiem ikollu aktar saħħa fit-tmexxija, il-faxxisti kienu biss qegħdin jippruvaw iżommu l-politika ta’ Mussolini ħajja u ħafna minnhom, minkejja l-età żagħżugħa tagħhom u l-edukazzjoni għolja li kellhom, ma kellhom l-ebda ambizzjoni oħra ħlief li jmutu mewta ‘onorabbli’ f’waħda mill-ġlidiet li kien ikun hemm prattikament ta’ kuljum.

F’dak iż-żmien, il-politika kienet saret mhux kompetizzjoni demokratika bejn avversarji politiċi imma ġlieda bejn għedewwa mortali.

Skont rapport li kien inkiteb minn Libero Mazza, maġistrat minn Milan, l-ibliet prinċipali bħal Ruma, Milan, Torino, Napoli u Venezja, kif ukoll diversi bliet provinċjali, kienu mimlija estremisti perikolużi li kienu armati u lesti għalkollox. Skont Mazza, fil-belt ta’ Milan biss, kien hemm bejn tletin u erbgħin elf minn dawn l-estremisti.

Madwar l-Italja kollha, il-maġġoranza tal-estremisti li kienu jieħdu sehem fil-ġlied fil-pjazez u fit-toroq, kemm bejniethom u kemm kontra l-forzi tal- ordni, kienu Komunisti. Minħabba li l-faxxisti kienu f’minoranza, sabiex dawn setgħu laħqu mal-avversarji tagħhom, huma kienu jużaw armi bħal mwies, pistoli u bombi filwaqt li l-Komunisti kienu jużaw spanners kbar u bsaten sabiex jiġġieldu. 

Tant kienet kbira l-qasma politika ġewwa l-Italja fi żmien il-piombo li żoni sħaħ kienu ħadu l-istatus ta’ kwartieri suwed jew ħomor. Saħansitra, diversi pjazez kienu saru sinonimi ma’ gruppi li kienu jiltaqgħu fihom sabiex jippjanaw xi ġlieda jew xi attentat.

20 sena ta’ vjolenza

Ħafna storiċi Taljani jsostnu li l-‘anni di piombo’ bdew f’April tal-1966, meta ġewwa l-Universita La Sapienza ta’ Ruma kien inqala’ ġlied kbir bejn gruppi Faxxisti u Komunisti li kienu qegħdin jieħdu sehem fl-elezzjoni għall-kunsill tal-istudenti. Waqt li grupp ta’ żgħażagħ kienu qegħdin jagħtu bil-ponn lil xulxin, ċertu Poalo Rossi, student bi twemmin xellugi, tilef ħajtu meta wara li qala’ xi daqqiet mingħand il-faxxisti, tgerbeb taraġ għoli. Huwa kien l-ewwel vittma tal-‘anni di piombo’.

Il-vjolenza kompliet teskala fl-1968 u l-1969 meta ż-żewġ naħat iġġieldu kontra l-forzi tal-ordni fil-Piazza di Spagna ġewwa Ruma. Kien hemm ukoll ħafna ġlied bejn iż-żewġ naħat f’diversi universitajiet. Kienet tassew ta’ ħasra li l-progress kbir li kien qiegħed isir ġewwa l-Italja f’dik il-ħabta f’dawk li huma drittijiet ċivili bħad-divorzju u l-ugwaljanza tan-nisa ġew imtappna b’din il-mentalità li kellhom iż-żgħażagħ li sabiex jiksbu xi haga, huma jridu jirrikorru għall-vjolenza.

F’Diċembru tal-1969, il-vjolenza ħadet żvolta gdida wara li 17-il persuna tilfu ħajjithom wara li splodiet bomba ġewwa bank fi Piazza Fontana ġewwa Milan. Gruppi Faxxisti ġew akkużati b’dan l-attakk. Din kienet l-ewwel mis-sitt straġijiet li saru parti mill-istorja tal-Italja. Kien propju hawn li l-Komunisti bdew iżidu d-doża ta’ vjolenza wkoll. Ġew iffurmati diversi gruppi bħal dak magħruf bħala l-Katanga, li ma kien xejn anqas minn milizzja sabiex tipproteġi d-dimostrazzjonjiet organizzati mix-xellug.

Sadanittant, matul is-snin sebgħin kompla jiżdied il-ġlied u l-vjolenza bdiet taqbeż kull limitu. Fl-1973, tilef ħajtu pulizija żgħażugħ wara li bomba li ntefgħet mill-faxxisti litteralment splodiet ma’ sidru. Dan l-episodju bidel kompletament ix-xenarju ta’ kif kien qiegħed isir il-ġlied għaliex kien hemm ħafna diċeriji li l-lemin kien qiegħed jaħdem mal-forzi tal-ordni kontra l-Komunisti.

Fuq in-naħa l-oħra, fl-istess sena, il-Komunisti kienu wettqu wieħed mill-agħar attentati tal-‘anni di piombo’ magħruf bħala t-traġedja tal-Primavalle, li seħħet ġewwa Ruma. F’dan l-attakk tilfu ħajjithom Virgilio u Stefano Mattei, żewġ aħwa ta’ 22 sena u 10 snin rispettivament. L-unika ħtija li kellhom dawn iż-żewġt aħwa kienet li kienu tnejn mis-sitt ulied ta’ Mario Mattei politiku ewlieni tal-MSI, partit lemini b’tendenzi faxxisti. 

Dawn iż-żewġ vitmi litteralment mietu maħruqa ħajjin wara li grupp xellugi bl-isem ta Potere Operaio ta n-nar lill-appartament tal-familja Mattei. Minkejja li l-pulizija saret taf min kienu dawk li wettqu dan l-attakk viljakk, dawn irnexxielhom jaħarbu mill-pajjiż. Sabiex tkompli tgħaxxaqha, il-ġustizzja Taljana għamlet waħda minn tagħha u sabithom ħatja biss ta’ omiċidju b’negliġenza kriminali li ħafna drabi huwa assoċjat ma’ meta xi ħadd joqtol lil xi ħadd ieħor bil-karozza meta jkun qiegħed isuq b’mod traskurat.

Kaċċa għall-faxxisti

Minkejja li kif rajna, il-Komunisti kienu wkoll qatlu xi nies, l-opinjoni pubblika kienet kontra l-faxxisti ghaliex dawn kienu l-aktar assoċjati mal-vjolenza. Tant huwa hekk li għal ħafna Taljani li “toqtol lil xi Faxxista ma kinitx xi ħaġa kriminali”. Fil-fatt, jingħad li d-delitti ta’ tliet studenti faxxisti li saru fl-1978 fi Triq Acca Larenzia ġewwa Ruma, setgħu ġew evitati li kieku n-nies irrappurtaw lill-grupp komunista li kien qiegħed jiġri warajhom. Jingħad li wieħed minn dawn it-tliet żgħażagħ saħansita nqatlet mill-carabinieri.

Meta sabu ruħhom f’kantuniera, il-faxxisti naqsu ħafna mill-ġlied fit-toroq u bdew jikkonċentraw fuq l-attentati bil-bombi. Dan wassal għall-istraġijiet tal-Gioia Taoro, tal-Questura di Milano, tal-Piazzale della Logia, tal-Italbus u tal-Istazzjon ta’ Bologna. F’dawn l-istraġijiet mietu 132 persuna. Il-qtil kompla sal-bidu tat-tmeninijiet, bl-aħħar vittma jkun Paolo Dinella li nqatel fl-1983.

Minkejja li llum il-ġurnata, dan il-ġlied sar parti mill-istorja, meta wieħed jagħmel riċerka fuq l-‘anni di piombo’ ma jistax ma jaqbilx ma’ Mattarella li l-Italja għadha qiegħda ssofri minħabba dak li ġara madwar erbgħin sena ilu.

Fuq kollox, wieħed ma jistax ma jinkwetax meta mir-riċerki jirriżulta li ħafna minn dawn l-istudenti universitaji li kienu l-perċimes għal ħafna ġlied fis-snin sebgħin u tmenin, illum saru parlamentari u anke opinjonisti ta’ ġurnali magħrufa. Fost dawk li llum għadhom jiktbu b’mod regolari hemm wieħed minn dawk li kien ġie akkużat bil-qtil tal-pulizija żagħżugħ li semmejna aktar ‘il fuq. 

Ekonomija

Sport