Raġel intbagħat erba’ xhur ħabs wara li kiser ħames settijiet ta’ kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu minn Maġistrati differenti.
Fil-Qorti ntqal li nhar l-Erbgħa li għadda, Abdulaziz Mohammed Alamari Zamzam kien qiegħed San Ġiljan fil-ħin ta’ bejn is-1.00 a.m. u s-2.00 a.m., bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja.
Meta twaqqaf mill-uffiċjali tal-pulizija, huwa qalilhom li kellu permess mill-Qorti biex joħroġ mir-residenza tiegħu. Irriżulta iżda li dan ma kienx minnu.
L-imputat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, bil-Qorti tikkundannah erba’ xhur priġunerija filwaqt li kien tilef €5,250 li kien ħallas f’depożiti fuq każijiet preċedenti.

