Tuesday, May 19, 2026

Investiment biex jissaħħu s-servizzi tar-Radjoloġija

Aqra wkoll

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar investiment ta’ miljun ewro biex jiġu msaħħa u modernizzati s-servizzi tar-radjoloġija fl-Isptar Mater Dei, f’Ċensu Moran, iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta u l-Iscreening Unit ta’ Lascaris fil-Belt Valletta.

Il-Ministru Abela qal li bħala parti minn dan l-investiment ġiet installata magna ġdida tal-X-ray tat-tip Aroma Precision I5 fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, b’investiment ta’ €417,000. Qal li din il-magna se tkompli ssaħħaħ is-servizzi dijanjostiċi fl-akbar sptar akut tal-pajjiż u mistennija taqdi medja ta’ 250 pazjent kuljum. Din tifforma parti mill-proċess kontinwu ta’ modernizzazzjoni tad-Dipartiment tal-Imaging Mediku.

Il-Gvern qed jinvesti wkoll f’apparat ġdid għall-screening għall-kanċer tas-sider. Ġie konkluż tender għal żewġ magni ġodda tal-mammografija b’investiment totali ta’ €436,000. Waħda mill-magni Fujifilm Amulet Sophinity diġà ġiet installata fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Iscreening fil-Belt Valletta, filwaqt li t-tieni magna se tkun installata fl-Isptar Mater Dei fix-xhur li ġejjin. Barra minn hekk, magna eżistenti tal-mammografija tat-tip Hologic ġiet aġġornata permezz ta’ investiment addizzjonali ta’ €30,000.

F’investiment ieħor ta’ €100,000, ġie installat ultrasound scanner ġdid Canon i800 f’Ċensu Moran, fejn is-servizzi regolari tal-ultrasound se jibdew jingħataw mill-ġimgħa d-dieħla. Għall-ewwel darba, dawn is-servizzi se jibdew ukoll fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta.

Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega kif il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ is-servizzi tas-saħħa f’Malta permezz ta’ investiment kontinwu fit-teknoloġija medika moderna, fl-infrastruttura u fir-riżorsi umani fis-settur tas-saħħa. Qal li s-servizzi tal-imaging mediku huma kruċjali sabiex il-pazjenti jingħataw kura ta’ kwalità u dijanjosi fil-ħin.

“Dawn l-investimenti, flimkien maż-żieda fir-radjografi u r-radjoloġisti, se jgħinu biex ikomplu jitnaqqsu l-listi ta’ stennija, jitjiebu s-servizzi qrib il-komunitajiet u jissaħħaħ il-Programm Nazzjonali tal-Iscreening tas-Sider li riċentament ġie kkonfermat bħala wieħed mill-aqwa fir-reġjun. Il-Gvern qed ikompli jaħdem biex itejjeb is-servizzi tas-saħħa favur il-pazjenti Għawdxin u Maltin,” temm jgħid Dr Abela.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport