Aġenzija Sapport kompliet issaħħaħ il-faċilitajiet taċ-Ċentru Ħajja Indipendenti Sonia Tanti (STILC), b’investiment ta’ kważi €600,000 biex ikomplu jitjiebu s-servizzi offruti lill-persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom.
Iċ-ċentru jilqa’ fih spazji u kliniċi minn fejn diversi terapisti, fosthom Speech Language Pathologists, Fiżjoterapisti u Occupational Therapists, li lkoll jipprovdu servizzi msejsa fuq il-prinċipju ta’ għajxien indipendenti.
Matul l-aħħar tliet snin sar xogħol estensiv ta’ tisħiħ u żvilupp sabiex il-faċilitajiet ikunu jistgħu jilqgħu aħjar il-ħtiġijiet tal-klijenti.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna.
Fost it-titjib li sar hemm żieda fin-numru ta’ kliniċi għat-terapisti, training room għal sessjonijiet speċjalizzati ma’ professjonisti u ġenituri, kamra għal sensory-motor sessions u spazju aċċessibbli fuq barra għal sessjonijiet mat-tfal.
STILC joffri appoġġ, informazzjoni u gwida lill-persuni b’diżabilità biex jgħixu ħajja aktar indipendenti fil-komunità. Permezz ta’ assessjar professjonali mwettaq minn Occupational Therapists u Fiżjoterapisti, il-klijenti jistgħu jingħataw appoġġ relatat ma’ apparat assistiv, mobilità u taħriġ speċjalizzat.
Is-servizzi offruti minn STILC jinkludu assessjar għall-użu tas-siġġijiet tar-roti, mobility scooters, assessjar tas-sewqan, simulazzjonijiet tas-sewqan u modifikazzjonijiet fil-vetturi. Matul l-2025, 390 persuna għamlu użu mis-servizzi differenti offruti minn STILC.
Il-persuni li jagħmlu użu minn dawn is-servizzi jistgħu wkoll jiġu riferuti għal skemi differenti fosthom l-Empowerment Scheme u l-iskemi tal-vetturi, sabiex ikomplu jissaħħu l-aċċessibilità u l-indipendenza tagħhom.
Il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif “dan huwa investiment konkret fil-kwalità tal-ħajja u fl-indipendenza tal-persuni b’diżabilità. Permezz ta’ dawn il-faċilitajiet imsaħħa, qed niżguraw li aktar persuni u familji jkollhom aċċess għal servizzi moderni, professjonali u ffukati fuq il-potenzjal ta’ kull individwu. Dan il-proġett juri biċ-ċar il-viżjoni tal-Gvern favur soċjetà aktar inklussiva, fejn il-persuni b’diżabilità jingħataw l-għodod u l-appoġġ meħtieġ biex jgħixu ħajja indipendenti u parteċipattiva fil-komunità. Aħna nibqgħu kommessi li ninvestu f’servizzi ta’ kwalità li mhux biss jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-lum, iżda li jkomplu joħolqu opportunitajiet ġodda għall-futur. Dan huwa pass ieħor importanti sabiex nibqgħu nibnu pajjiż fejn kulħadd iħossu valorizzat u fejn ħadd ma jitħalla lura.”
Min-naħa tiegħu, Oliver Scicluna qal kif dan iċ-ċentru se jibda jopera fil-ġimgħat li ġejjin. “Dan huwa investiment li jkompli juri l-impenn tal-Aġenzija Sapport sabiex toffri servizzi effettivi, moderni u ta’ kwalità għolja li jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabilità, inkluż it-tfal.”

