Tuesday, May 19, 2026

Servizz ġdid ta’ ħlas tal-kontijiet fil-Kunsilli Lokali qrib ir-residenti

Aqra wkoll

Residenti f’numru ta’ lokalitajiet issa jistgħu jħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma direttament fl-uffiċċji tal-Kunsill Lokali tagħhom, permezz ta’ proġett pilota ġdid liqed jagħmel is-servizzi ta’ ħlas aktar aċċessibbli, konvenjenti u qrib il-komunità.

Din l-inizjattiva qed titwettaq permezz ta’ kollaborazzjoni bejn ARMS Ltd wara li numru ta’ Kunsilli Lokali li għażlu li jipparteċipaw. L-għan ta’ dan il-proġġett huwa li r-residenti jingħataw għażla oħra prattika biex iħallsu l-kontijiet tagħhom.

Is-servizz il-ġdid se jikkumplimenta l-mezzi ta’ ħlas li diġà toffri ARMS Ltd, filwaqt li jsaħħaħ il-prinċipju li s-servizzi pubbliċi għandhom ikunu eqreb tan–nies u mfassla skont il-ħtiġijiet tal-komunitajiet.

“B’din l-inizjattiva qed inressqu servizz essenzjali aktar viċin ir-residenti. Irridu li l-familji u n-negozji jsibu servizzi pubbliċi aktar faċli, aktar aċċessibbli u aktar marbuta mal-komunità tagħhom.

Din il-kollaborazzjoni hija mod ieħor qed inkomplu ntejbu l-esperjenza taċ-ċittadin, li saret propju għaliex nisimgħu lin-nies dwar il-bżonnijiet tagħhom” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, qalet li “dan il-proġett pilota huwa eżempju ċar ta’ kif il-Kunsilli Lokali jistgħu jkomplu jsaħħu lir-rwol tagħhom fil-komunità billi joffru servizzi li jagħmlu differenza konkreta fil-ħajja ta’ kuljum tar-residenti.

Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni ma’ ARMS Ltd u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, qed inkomplu nwasslu servizzi pubbliċi aktar qrib in-nies, b’mod aktar aċċessibbli u konvenjenti. Dan huwa pass ieħor lejn gvern lokali aktar modern, effiċjenti u ffukat fuq il-ħtiġijiet reali tal-komunitajiet tagħna.

Nirringrazzja lill-Kunsilli Lokali kollha li għażlu li jipparteċipaw f’din l-inizjattiva u nħares ’il quddiem biex aktar lokalitajiet jingħaqdu ma’ dan is-servizz fil-futur.”

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-ARMS George Azzopardi qal, “Fil-mira għandna l-qalba diġitali. F’dawn l-aħħar sentejn, tellaqna ħidma kollettiva sabiex neqilbu d-diversi servizzi f’forma diġitali.

Ħidma minn fost l-impjegati tal-ARMS stess li qed turi ħafna riżultati. Minkejja dan, l-obbligu jibqa’ li nżommu s-servizz qrib iċ-ċittadin. Permezz ta’ din l-inizjattiva u oħrajn li qed naraw għal futur, is-servizz tagħna ser jibqa’ jinfirex fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.”

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava, qal li “bħala Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, nilqgħu b’sodisfazzjon l-iffirmar ta’ dan il-ftehim ma’ ARMS Ltd, li permezz tiegħu diversi Kunsilli Lokali ser ikunu jistgħu joffru servizz addizzjonali ta’ ħlas ta’ kontijiet tad-dawl u l-ilma fil-lokalitajiet tagħhom stess.

Dan huwa pass importanti biex il-Kunsilli Lokali jkomplu jsiru aktar relevanti u aktar viċin ir-residenti, billi s-servizzi essenzjali jkunu aktar aċċessibbli għall-komunitajiet tagħna.

Aħna nemmnu li l-Kunsilli għandhom jibqgħu qrib in-nies u li r-resident dejjem għandu jiġi l-ewwel. Inħeġġeġ lil aktar Kunsilli Lokali sabiex jieħdu dan l-eżempju u jirreġistraw magħna biex huma wkoll jibdew joffru dan is-servizz lir-residenti tagħhom.”

Il-proġett pilota se jservi wkoll biex jiġi evalwat kif dan il-mudell jista’ jtejjeb il-konsenja tas-servizzi fil-livell lokali u, fejn ikun xieraq, jiġi żviluppat aktar fil-futur.

Il-proġett pilota se jservi wkoll biex jiġi evalwat kif dan il-mudell jista’ jtejjeb il-konsenja tas-servizzi fil-livell lokali u, fejn ikun xieraq, jiġi żviluppat aktar fil-futur.

Il-Kunsilli Lokali li huma parti minn dan il-proġett huma dawk ta’ Ħ’Attard, il-Fgura, l-Imqabba, il-Birgu, Ħal Tarxien, il-Belt Valletta, Ħaż-Żebbuġ, il-Gudja, Marsaxlokk, il-Ħamrun, il-Mellieħa, San Ġiljan, l-Isla, Ħal Kirkop, Ta’ Xbiex u l-Kalkara, flimkien mal-Kunsill Reġjonali Tramuntana.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport