Saturday, May 4, 2024

Esperjenzat it-tbatija tal-kanċer fl-Ingilterra … tappella biex il-poplu jkun ġeneruż ma’ Puttinu

Aqra wkoll

Meta jkun hemm persuni għaddejjin minn żmien ta’ mard, dan il-perjodu diffiċli ma jħallix impatt fuq il-pazjenti biss iżda fuq il-familjari tagħhom ukoll, speċjalment meta l-mard iwassal biex pazjent ikollu jitlaq ’il barra minn xtutna.

“Annalise hija l-ewwel pazjenta ta’ Dr Calvagna. Meta kellha 12-il sena ħarġilha kanċer. Għamlet sena l-Ingilterra meta Puttinu kien għadu ma jeżistix u spjegatilna kemm hi u l-ġenituri tagħha batew mingħajr għajnuna,” kitbu l-mexxejja ta’ Puttinu Cares fuq il-paġna ta’ Facebook.

Illum il-ġurnata f’pajjiżna għandna lil Puttinu Cares li huwa ta’ sostenn kbir għall-pazjenti li jkunu jeħtieġu trattament kontra l-kanċer, fejn joffru l-użu ta’ appartamenti mingħajr ħlas għall-pazjenti u l-persuni li jkunu qed jakkumpanjawhom matul din il-battalja.

Appena persuna tmiss ma’ Puttinu, tibqa’ grata għal għomorha bl-għajnuna li tirċievi. Però, sabiex niżguraw li jibqa’ jsir dan, jeħtieġ li nkomplu nikkontribwixxu mill-ftit li nistgħu.

Annalise tixtieq li ħadd ma jesperjenza t-tbatija li għaddiet minnha hi meta ma kienx għadu jeżisti s-servizz ta’ Puttinu. Għaldaqstant tfakkar sabiex il-poplu jkun ġeneruż fis-7 t’April li ġej — il-ġurnata li fiha jsir l-avveniment annwali tal-mixja tal-Ġimgħa l-Kbira.

Intant, il-ħidma ta’ Puttinu Cares tibqa’ għaddejja bla waqfien. Ftit tal-jiem ilu, il-mexxejja ta’ Puttinu  ħabbru li jinsabu l-Ingilterra sabiex ikunu jistgħu jsegwu mill-qrib il-progress ta’ propjetà li nxtrat f’Londra bis-saħħa tad-donazzjonijiet tal-poplu Malti. Dan sabiex ikun hemm iktar persuni li jistgħu jibbenefikaw minn din l-għajnuna.

Sport