Thursday, December 26, 2024

Esplora jirringrazzja lill-Frontliners tal-isptar Mater Dei

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Esplora f’kollaborazzjoni mal-isptar Mater Dei ried juri l-apprezzament tiegħu mal-ħaddiema tas-saħħa li qed jaħdmu bħala frontliners kontra l-virus tal-COVID-19. Esplora se joffri biljett għall-entratura b’xejn għal kull ħaddiem tas-saħħa li jaħdem fl-isptar Mater Dei, kif ukoll skont ta’ darba ta’ 30% fuq il-biljetti tal-entratura ta’ tliet persuni oħra (kemm adulti kif ukoll tfal) li jkunu qed jakkumpanjawhom f’din l-istess żjara. Biex jibbenefikaw minn din l-offerta, il-ħaddiema huma mitluba li jippreżentaw it-tag li jużaw bħala mod ta’ identifikazzjoni fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Dr Jeffrey Pullicino Orlando, stqarr li “l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (l-MCST) u l-Esplora jaħdmu qatiegħ sabiex jippromwovu x-Xjenza fuq livell Nazzjonali. Il-frontliners tal-kura tas-saħħa tagħna jużaw ix-Xjenza fl-isforzi kontinwi tagħhom sabiex jikkumbattu l-għadu komuni tagħna – il-coronavirus. Dan il-ġest huwa rigal żgħir bħala sinjal t’apprezzament għall-kontribuzzjoni tremenda li jagħtu lis-soċjetà tagħna. Dawn il-frontliners, iservu ta’ mudelli eċċellenti għall-ġenerazzjoni żagħżuha tagħna fejn tidħol l-importanza ta’ karrieri relatati max-Xjenza.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-isptar Mater Dei Is-sinjura Celia Falzon irringrazzjat lil Dr Jeffrey Pullicino Orlando u l-MCST għal dan il-ġest ta’ apprezzament lejn il-ħaddiema fil-kura tas-saħħa tal-isptar Mater Dei. Is-Sinjura Falzon qalet “li l-COVID-19 enfasizza l-importanza tal-valur tal-evidenza xjentifika meta nħabbtu wiċċna ma’ affarijiet ġodda u dawk mhux mistennija. L-MCST u l-Esplora qed joħolqu għarfien dwar l-importanza li aktar studenti jħaddnu x-xjenza fil-karrieri tagħhom. Bħala l-entita’ li nimpjegaw l-akbar ammont ta’ impjegati mħarrġa fl-edukazzjoni u l-applikat tax-xjenza f’Malta, Mater Dei jilqa’ b’apprezzament kbir dawn l-isforzi.  Dan il-ġest ġeneruz hu ferm apprezzat f’dan iż-żmien diffiċli fejn irridu nadattaw għal-normi ġodda ta’ xogħol sabiex inkompli noffru l-aħjar servizz fil-kura tas-saħħa lil pajjizna filwaqt li nikkumbattu l-imxija tal-COVID-19.  

Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo faħħar l-attitudni proattiva li qed jieħu l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija biex dawn l-oqsma jibqgħu jingħataw l-importanza li jixraqilhom lil hinn mill-pandemija. Is-Segretarju Parlamentari saħaq li l-frontliners tagħna jirrapreżentaw ir-ruħ ta’ pajjiż li kontra kull qilla dejjem kien kuraġġuż sabiex jaffaċċja l-isfidi u rebaħhom.

Minn Marzu li għadda, meta feġġ il-coronavirus f’Malta u ġie wkoll ddikjarat bħala pandemija globali, dawn il-ħaddiema kellhom jaħdmu taħt pressjoni kbira, pressjoni li rari ffaċċjaw qabel. Fost l-oħrjan kellhom u għadhom jaħdmu sigħat twal ’il bogħod mill-familji tagħhom. Sa llum, il-persuni nfettati kienu aktar minn 26 miljun u kien hemm aktar minn 800,000 mewt bil-Covid-19 li ġiet irrappurtata lill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.

Esplora, iċ-Ċentru Malti Interattiv għax-Xjenza fil-Kalkara, li jiffoka fuq l-involviment tax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika (STEM) mal-pubbliku, segwa strettament l-linji gwida kollha maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Is-saħħa u s-sigurtà tal-viżitaturi u tal-impjegati tiġi l-ewwel u qabel kollox. 

Il-viżitaturi qed jiġu mħeġġa jesperjenzaw ix-xhur tematiċi ġodda fl-Esplora, li bdew b’ Colour Splash tul ix-xahar ta’ Settembru, fejn il-viżitaturi għandhom l-opportunità li jesploraw ix-xjenza tal-kuluri. Dawk il jagħżlu li jżuru l-Esplora fix-xhur li ġejjin se jkunu jistgħu jipparteċipaw f’attivitajiet bħal Science on the Spot, xows b’temi xjentifiċi,  żoni ta’ investigazzjoni u ħafna aktar.

Għal aktar tagħrif żur http://esplora.org.mt, jew https://www.facebook.com/esploramalta. Min-naħa l-oħra jekk tixtieq tkellem lil xi ħadd mill-istaff tal-Esplora ċempel

+356 2360 2300

Ekonomija

Sport