SVIZZERA… 2
ITALJA…….. 0
L-Isvizzera ħasdu lill-Italja biex għelbuhom bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewġ goals jaslu wieħed f’kull taqsima.
B’hekk filwaqt li ċ-champions renjanti ċedew ix-xettru tagħhom fi stadju hekk bikri, l-Isvizzeri issa jilagħbu fil-kwarti-finali kontra r-rebbieħ bejn l-Ingilterra u s-Slovakkja, nhar il-Ġimgħa li ġej.
Din kienet rebħa ferm meritata għall-Isvizzeri li ddominaw għal kollox il- partita, fejn kienu ferm kumpatti u organizzati tajjeb f’kull dipartiment.
Min-naħa l-oħra, it-Taljani ddiżappuntaw bil-kbir fejn naqsu milli jkunu dinamiċi u kreattivi. Huma ppruvaw iwettqu tip ta’ reazzjoni wara li sofrew it-tieni goal, iżda naqsu milli jkunu diretti u fuq kollox inċiżivi.
Kienu t-Taljani li ħolqu l-ewwel periklu fit-18-il minuta meta minn azzjoni ta’ free-kick, Nicolo Barella għadda tajjeb lejn Giovanni Di Lorenzo li iżda laqat il-ballun ħażin biex intemm f’idejn il-goalkeeper, Yann Sommer, mingħajr wisq tbatija.
L-Isvizzera wieġbu fl-24 minuta meta Breel Embolo ġie wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper, Gianluigi Donnarumma li evita goal ċert b’save brillanti.
Fis-37 minuta, huma fetħu l-iskor meta Ruben Vargas għadda tajjeb lejn REMO FREULER li żmarkat u minn pożizzjoni ideali ikkontrolla tajjeb u tefa’ ġewwa.
Fl-45 minuta, Fabian Rieder, ħareġ l-aħjar ta’ Donnrumma minn free-kick meta dawwar f’corner megħjun mill-wieqfa.
Minuta mill-ftuħ tat-tieni taqsima, l-Isvizzeri rduppjaw meta t-Taljani tilfu l-pussess b’mod traskurat, bil-ballun jasal għand RUBEN VARGAS li ngħata l-ispazju kollu biex dawwar il-ballun lejn ir-rokna tas-saqaf tax-xibka.
Fil-51 minuta, it-Taljani kienu sfortunati li ma naqsux il-marġni tal-iskor meta minn cross ta’ Nicolo Fagioli, Granit Xhaka fit-tentattiv li jinterċetta l-ballun bir-ras laqat il-wieqfa, biex b’hekk kważi kkommetta auto-goal sfortunat.
Fit-73 minuta, Mateo Retegui kellu xutt fil-baxx mid-distanza li ġie salvat mingħajr diffikultá minn Sommer.
Minuta wara, l-Italja fallew ċans tad-deheb meta Gianluca Scamacca kellu t-tentattiv tiegħu jistampa mal-wieqfa.