“Fenech għandu idejh imċappsin bid-demm ta’ Daphne”: Il-Prosekuzzjoni tkompli bid-diskors tal-għeluq u tikxef l-inkonsistenzi fix-xhieda tal-akkużat

Aqra wkoll

Fit-tieni jum tad-diskors tal-għeluq mill-Prosekuzzjoni, il-prosekutur Anthony Vella saħaq li l-katina sħiħa ta’ provi, mid-data tat-telefowns sal-pressjoni enormi minħabba l-kumpanija 17 Black, tindika direzzjoni waħda biss: li l-akkużat Yorgen Fenech “ried lil Daphne Caruana Galizia mejta”, filwaqt li skarta t-teoriji tad-difiża dwar Keith Schembri u Joseph Muscat bħala tentattiv biex jinħoloq biss id-dubju.

“Għandu idejh imċappsin bid-demm”

Il-Prosekuzzjoni kkuntrastat il-mod kif Fenech ippreżenta ruħu fuq il-pedana tax-xhieda, fejn kien jisejjaħ lil Daphne Caruana Galizia b’rispett bħala “Is-sinjura”, mar-reġistrazzjonijiet reali u l-konversazzjonijiet privati fejn qal li ried jitfagħha “minn Portomaso għal isfel”. Vella sostna li Fenech kien f’paniku totali u li kien iridha mejta minħabba x-xogħol investigattiv tagħha.

Ir-Rabta bejn 17 Black, Electrogas u l-Mandat tal-Qtil

Vella wera kif fit-22 ta’ Frar 2017 Caruana Galizia semmiet għall-ewwel darba lil 17 Black, u li inqas minn ġimgħa wara l-isem tal-kumpanija nbidel b’għaġla għal Wings Development Ltd. Il-Prosekuzzjoni wriet Email fejn Fenech innifsu stqarr li l-kollass tal-proġett Electrogas seta’ jirrovinalu l-interessi kummerċjali u l-kredibbiltà tiegħu. Dan kien iż-żmien eżatt, skont il-verżjoni ta’ Melvin Theuma, meta Fenech ordna l-assassinju.


Id-Data tat-Telefowns Tqabbel il-Verżjoni ta’ Melvin Theuma

Vella ammetta li Theuma mhu l-ebda “qaddis” u li hu stess kien kompliċi fil-qtil, iżda enfasizza li minkejja li Theuma kien isibha diffiċli jiftakar dati preċiżi, il-verżjoni tiegħu dwar is-sustanza tal-każ baqgħet kompletament konsistenti. Bl-użu tad-data tal-burner phones u l-post fejn kienu f’Ħaż-Żebbuġ u l-Bidnija f’Awwissu 2017, il-Prosekuzzjoni wriet kif it-timeline ta’ Theuma (dwar meta l-pjan twaqqaf minħabba l-elezzjoni u meta reġa’ beda) taqbel perfettament mal-provi tekniċi tal-pulizija.

Il-Mistoqsija dwar il-€50,000 u r-Reġistrazzjonijiet

Vella ddeskriva l-verżjoni ta’ Fenech, li kien ta €50,000 lil Theuma wara li Theuma qallu li kien ħallas €30,000 depożitu minn bwutu stess biex joqtol lil Daphne. Bl-istess mod, il-Prosekuzzjoni staqsiet kif jagħmel sens li Fenech jirċievi pendrive b’reġistrazzjonijiet mingħand Theuma, ma jismax id-diska b’leħnu stess b’mistoqsija leġittima dwar l-innoċenza tiegħu, u minflok imur jagħti dawk ir-reġistrazzjonijiet stess lil Keith Schembri, l-istess raġel li llum qed jiġi akkużat minnu stess bħala l-moħħ wara l-qtil.

Joseph Muscat fuq il-Lista tax-Xhieda iżda Mhux Imsejjaħ

Rigward l-allegati laqgħat li Fenech qal li kellu ma’ Joseph Muscat f’Kastilja u r-razzett tal-Girgenti, Vella wera kif id-data tal-lokalizzazzjoni tat-telefown u l-messaġġi juru li Fenech kien f’Valletta darba waħda biss f’dak il-perjodu. Is-sottomissjonijiet kixfu wkoll li Muscat kien imniżżel fuq il-lista tax-xhieda tad-difiża stess, iżda d-difiża ppreferiet li ma ssejħulux biex jixhed bil-biża’ li x-xhieda tiegħu tiżmenta u tikkontradixxi l-verżjoni ta’ Fenech.

Ir-Rivelazzjonijiet mill-Messaġġi tal-Ħarba u l-Aċċess għall-Poter

Il-Prosekuzzjoni fakkret kif fl-aħħar mumenti qabel ma kien arrestat, Fenech kien f’stat ta’ paniku. Messaġġi li għaddew ma’ zijuh Ray Fenech juru li kien qed jipprova jagħmel kuntatt ma’ “K” (Keith Schembri) biex jara jekk jistax juża l-VIP lounge tal-ajruport biex jaħrab b’mod diskret lejn Franza, filwaqt li kien konxju li kellu erba’ kards tal-bank fuqu u informazzjoni li l-ġurnalisti kienu fil-Marina ta’ Portomaso.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-AĠ Godwin Cini, Anthony Vella, u Danika Vella, flimkien mal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra. Id-difiża qed titmexxa mill-avukati Giannella de Marco, Charles Mercieca, u Gianluca Caruana Curran.

L-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi qed jidhru parte civile għall-familja Caruana Galizia.
L-Imħallef Edwina Grima qed tippresjedi fuq il-ġuri.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport