“L-intervent ta’ influwenza ta’ qassis ma kienx wieħed għaqli u dan is-saċerdot għarfu”- l-Isqof ta’ Għawdex Mons Anton Teuma

……m’hemm ebda ħtieġa li tittieħed xi tip ta’ azzjoni kanonika kontra s-sacerdot

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-każ tal-allegat stupru u korruzzjoni ta’ minuri fin-Nadur, kellu żvolta fl-aħħar sigħat u dan hekk kif dalgħodu inħarġet dikjarazzjoni mill-Isqof tad-Djoċesi ta’ Għawdex, Anton Teuma. Dan kien jirrigwarda każ fejn erba’ akkużati ġew illiberati u kien hemm jiżfen fin-nofs ħlas ta’ €120,000 lill-familja tal-vittma.

F’dan il-każ hemm allegazzjonijiet ta’ pressjoni kbira fuq l-istess familja kif ukoll kien imsemmi qassis – Fr Michael Said, qarib ta’ wieħed mill-akkużat. Fil-Qorti kien allegat involviment minn dan il-qassis – li avviċina lill-familja u qalilhom biex iwaqqfu l-proċess kif ukoll ta parir biex “jippruvaw ma jkabbrux l-affarijiet”.  Fid-dikjarazzjoni tiegħu, l-Isqof t’Għawdex, Anton Teuma enfasizza li “l-intervent ta’ influwenza tal-qassis ma kienx wieħed għaqli u dan is-sacerdot jgħarfu’. Qal iżda li m’hemm ebda ħtieġa li tittieħed xi tip ta’ azzjoni kanonika kontra is-sacerdot u dan hu konfermat minn żewġ inkjesti li saru.

L-istqarrija sħiħa ta’ l-Isqof Anton Teuma

L-Isqof iddikjara li “f’Marzu li għadda xterdu fil-midja artikli dwar Fr Michael Said mid-Djoċesi ta’ Għawdex. Dak iż-żmien bħala knisja ma konniex tkellimna fil-pubbliku. Mhux għax ridna ngħattu imma għax dan kien każ delikat li kien ġara snin twal ilu u ridna nivverifikaw il-fatti dwaru qabel nitkellmu. Kien għal din ir-ragġuni li meta ġejna mistoqsijin mill-media jekk hux se jittieħdu passi, aħna għedna li kienet qed issir indaġini bierx tiddetermina proprju dan.”

Saħaq li “llum ninsab f’pożizzjoni li ngħid li saru żewġt investigazzjonijiet fuq il-każ u mhux waħda. L-ewwel investigazzjoni għamlitha lis-Safeguarding Commission tal-Kurja t’Għawdex biex tara hemmx xi tip ta’ riskju peress li s-saċerdot jaħdem fi skola. Jien kont tlabt ukoll li tinfetaħ investigazzjoni oħra u li ssir minn bord indipendenti mill-knISja f’Għawdex.  Il-membri kienu Maltin, imħallef irtirat, avukata, u mħallef fit-Tribunal tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Bl-għajnuina ta’ esperti jien studjajt is-sentenza ta’ Marzu li għadda.”

Iddikjara li “flejt it-tlett affidavits tal-avukati tal-partijiet li kienu involuti. Rajt ir-rapporti taż-żewġ investigazzjonijeit. Smajt il-familja u lill-allegata vittma u lill-qassis innifsu. Jien wasalt għal din il-konklużjoni:  tajjeb li ngħidu li s-saċerdot innifsu qatt ma kien involut fl-ebda abbuż u qatt ma kien meqjus bħala parti mill-allegat abbuż. Is-snin tas-saċerdozju tiegħu juru integrità sħiħa f’dan ir-rigward. Iċ-ċirkostanzi tal-każ juru li kien hemm influwenza minn naħa tas-saċerdot fuq il-familja biex din wasslet biex waqqgħet il-kawża. Ix-xhieda oriġinali tal-ġenituri u l-firma tas-saċerdot fil-ftehim fost firem oħra juru dan. Illum ngħidu li dan l-intervent ma kienx wieħed għaqli u dan is-sacerdot jgħarfu u li llum kien jaġixxi b’mod differenti.”

Mons Teuma jkompli jgħid li “din l-influwenza ma kinitx tammonta għal sfurzar intenzjonat. Irridu ngħidu li kif jidher mis-sorsi kollha inkluż il-familja innifisha, oriġinarjament il-familja stess kienet sejħet lis-saċerdot għall-għajnuna għax kellu relazzjoni pastorali magħhom. 

Dan ifisser li inizjalment is-saċerdot ma ġiex imsejjaħ mill-familja tal-allegati aggressuri. Jirriżulta ukoll li għalkemm flimkien ma’ oħrajn iffirma l-ftehim li kien ifformulat minn avukat, ma kienx hu li ħareġ bl-idea ta’ ftehim u ma kienx hu li kkuntratta fuq xi somma flus li kellha tiġi mħallsa biex jitwaqqaf il-proċess tal-ġustizzja. Is-sacerdot aġixxa bl-iskop li jfittex il-ġid tal-familja u mhux li jfixkel. Għalhekk iħoss li l-parir li waslu għalih iż-żewġ kummissjonijiet, hu ġust, jiġifieri li m’hemm ebda ħtieġa li tittieħed xi tip ta’ azzjoni kanonika kontra is-sacerdot. Niftakru li fl-ebda mument il-Qorti jew xi awtorità oħra ma ħassew li għandhom jipproċedu legalment kontra is-saċerdot. Inħoss li b’dan il-mod inkunu qed nagħmlu tassew ġustizzja mhux biss mas-saċerdot imma anke mal-allegata vittima, li matul is-snin u sa llum baqgħet iżżomm relazzjoni tajba mas-saċerdot u nagħmlu ġustizzja ma’ dawk il-ħafna nies għax jafu lis-sacerdot u l-qalb kbira tiegħu.”

Tenna li “ippermettuli naqsam osservazzjoni. Inħoss li aħna li nużaw il-midja irridu nkunu attenti biex waqt li nikkundannaw bil-qawwa lil min jabbuża nagħmlu li nistghu biex inħarsu l-vittmi u l-familji tagħhom. Noqogħdu lura milli ngħaddu ġudizzji fuq aġir ta’ terzi mingħajr ma jkollna l-kwadru sħiħ tal-fatti kollha. Kull darba li jiġu msemmija vittmi u familjari, iħossuhom mikxufin u abbużati, anki issa waqt li qed nitkellem jien hekk qed jiġri. Xi vittmi jistgħu qed jerġgħu iġeddu l-weġgħat. Ta’ dan b’sinċerità nitlobhom skuża. Kif rakkomandat miż-żewġ kummissjonijiet, se nkomplu nimpenjaw ruħna bil-prevenzjoni  u il-formazzjoni u nkomplu nagħmlu dak kollu possibbli biex jinqered kull tip ta’ abbuż minn ġo nofsna. Inħeġġiġkom biex nibqgħu naħdmu flimkien biex ikollna bnedmin li tassew jirrispettaw lil xulxin u ma jużawx lil xulxin.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport