Is-Sajf jintemm bit-tieni mewġa ta’ sħana … twissija oranġjo sa nhar il-Ħadd

Aqra wkoll

Is-sajf meteoroloġiku mistenni jintemm bil-kbir hekk kif mil-lum il-Gżejjer Maltin mistennija jidħlu fit-tieni mewġa ta’ sħana ta’ dan is-sajf. Fil-fatt, bejn illum u nhar il-Ħadd li ġej, l-ogħla temperatura mistennija titla’ u saħansitra taqbeż it-38°C, jiġifieri se tkun kważi 6°C ogħla min-norma klimatika għax-xahar ta’ Awwissu.

Minħabba f’hekk, l-Uffiċċju Meteoroloġiku għandu fis-seħħ Twissija Oranġjo minħabba s-sħana qawwija, bil-pubbliku mħeġġeġ isegwi l-pariri maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa, jieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa u jagħti attenzjoni partikolari lit-tfal, lill-persuni vulnerabbli.

It-temperaturi għoljin li esperjenzajna f’dawn l-aħħar jiem huma riżultat ta’ antiċiklun Afrikan li fil-bidu tal-ġimgħa mexa fuq il-Punent u ċ-Ċentru tal-Mediterran. Din is-sistema qed tkun sostnuta minn xejra atmosferika magħrufa bħala “Omega Block”, imsejħa hekk minħabba li fuq il-mapep tat-temp il-forma tagħha tixbah lill-ittra Griega Ω. Hekk kif din ix-xejra mistennija tinbidel fil-jiem li ġejjin, l-antiċiklun Afrikan u l-koppla ta’ sħana assoċjata miegħu mistennija jirtiraw aktar lejn in-Nofsinhar, u b’hekk mill-bidu tal-ġimgħa d-dieħla nistennew temperature aktar komdi.

IT-TRAB FL-ATMOSFERA EVITA TEMPERATURI OGĦLA

Saff ta’ trab sospiż fl-atmosfera fuq iċ-Ċentru tal-Mediterran oriġina mill-Punent tal-Alġerija fil-25 ta’ Awwissu. Il-konċentrazzjoni tat-trab fuq ir-reġjun laħqet l-ogħla livell tagħha lbieraħ, bis-saff tat-trab jilqa’ parti mir-raġġi diretti tax-xemx u b’hekk żamm l-ogħla temperatura fil-Gżejjer Maltin madwar l-34.2°C. Mingħajr dan is-saff ta’ trab, it-temperatura x’aktarx kienet titla’ ferm aktar. It-trab sospiż fl-atmosfera mistenni jibqa’ fuq iċ-Ċentru tal-Mediterran fil-jiem li ġejjin, qabel jibda gradwalment jimxi lejn il-Lvant minn nhar l-Erbgħa tal-ġimgħa d-dieħla.

IT-TEMPERATURI SE JINĦASSU QRIB IS-46°C

It-temperaturi fil-jiem li ġejjin jistgħu jinħassu sostanzjalment ogħla minn dawk imkejla mit-termometri minħabba l-livelli għoljin ta’ umdità. It-temperatura li tinħass tiġi kkalkulata abbażi tat-temperatura attwali tal-arja flimkien mal-punt tan-nida, li jagħti indikazzjoni tal-ammont ta’ umdità fl-arja. Bħalissa, it-temperatura f’wiċċ il-baħar hija ta’ 30°C, madwar 3°C ogħla min-norma klimatika għal dan iż-żmien tas-sena, u qed tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal-livelli għoljin ta’ umdità li qed jinħassu bħalissa. It-temperatura tal-baħar ogħla min-normal, flimkien mar-riħ min-Nofsinhar li qed iġib arja sħuna u umda fuq il-Gżejjer Maltin, mistennija twassal biex it-temperatura li tinħass tersaq qrib is-46°C.

Ta’ min isemmi li matul dan ix-xahar ġie stabbilit rekord ġdid fl-arkivji tal-Uffiċċju Meteoroloġiku, hekk kif għall-ewwel darba t-temperatura f’wiċċ il-baħar laħqet il-31.1°C, fil-11 ta’ Awwissu.

L-ogħla temperatura li tkejlet s’issa matul din il-ġimgħa kienet ta’ 41.2°C, nhar l-Erbgħa 26 ta’ Awwissu. L-ogħla temperatura li qatt tkejlet matul ix-xahar ta’ Awwissu kienet ta’ 43.8°C, fid-9 ta’ Awwissu 1999.

IT-TEMP GĦALL-ĠIMGĦA D-DIEĦLA

Għalkemm se jibqgħu għoljin, bejn il-Ħadd u t-Tnejn l-ogħla temperatura mistennija tonqos b’madwar 4°C, biex b’hekk din il-mewġa ta’ sħana mistennija ddum tlett ijiem biss. L-ewwel mewġa ta’ sħana ta’ dan is-sajf damet sebat ijiem, bejn is-16 u t-22 ta’ Lulju.

Fil-jiem ta’ wara, it-temperaturi mistennija jkomplu jonqsu hekk kif jiżdied xi ftit is-sħab, u b’hekk tonqos xi ftit il-qawwa tax-xemx. Madankollu, it-temperaturi mistennija jibqgħu ’l fuq minn 30°C u jinħassu qrib is-36°C.

Għalkemm il-qawl jgħid li “Awwissu x-xemx taħarqu u x-xita tmissu”, din is-sena jidher li Awwissu ħa ħsieb l-ewwel parti biss tal-qawl, hekk kif ix-xahar baqa’ kompletament niexef. Fil-fatt, l-aħħar xita rreġistrata fl-istazzjon tat-temp tal-Uffiċċju Meteoroloġiku f’Ħal Luqa niżlet fis-16 ta’ Mejju.

Għall-aħħar aġġornamenti u tbassir dettaljat, il-pubbliku huwa mħeġġeġ iżur is-sit maltametoffice.com.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport