Fil-belt ta’ Osaka l-pulizija kellhom jieħdu azzjoni immedjata hekk kif raġel allegatament saq apposta fuq sebat itfal tal-iskola. Il-midja lokali rrapportat li l-vittmi żgħar kienu fi triqthom lura d-dar wara l-iskola. Huma sofrew ġrieħi u ttieħdu b’emerġenza l-isptar.
Is-sewwieq huwa raġel ta’ 28 sena li jgħix Tokyo. Ir-rapporti qalu li l-pulizija ta’ Osaka arrestatu fuq suspett ta’ attentat ta’ qtil. Xhud li kien fil-post fil-ħin tal-inċident iddeskriva lil “Nippon TV” kif il-karozza kienet qiegħd tmur min-naħa għal oħra meta laqtgħet lit-tfal b’tifla minnhom “mimlija demm mentri t-tfal l-oħra kellhom xi grif”.
Atti vjolenti huma rari fil-Ġappun iżda inċidenti xokkanti bħal dawn ġieli ġraw. Fl-2008 Tomohiro Kato kera trakk ta’ żewġ tunellati u saq apposta fuq folla nies fid-distrett ta’ Akihabara f’Tokoyo. Wara dan l-agressur kien ħareġ mit-trakk u beda jagħti daqqiet ta’ sikkina lil kull min sab quddiemu. Dan l-attakk kien sewa l-ħajja ta’ seba’ persuni. Kato li kien qal lill-pulizija ‘ġejt Akihabara biex noqtol lin-nies. Ma kienx jimporta lil min noqtol’, kien ingħata s-sentenza tal-mewt l-2022.
Fil-Ġappun arrestat raġel li allegatament saq apposta fuq tfal tal-iskola… Għalkemm rari inċidenti hekk f’dan il-pajjiż ġieli saru
