Sunday, November 24, 2024

FinanceMalta torganizza s-16-il Konferenza Annwali

Aqra wkoll

B’attendenza ta’ aktar minn 400 parteċipant reġistrat, FinanceMalta organizzat b’suċċess is-16-il konferenza annwali tagħha fit-13 ta’ Settembru fil-Hilton Conference Centre. Bit-tema ‘Leading Change Through Innovation’, il-konferenza intlaqgħet tajjeb ħafna mill-udjenza, li kienet tinkludi rappreżentanza wiesgħa mis-settur tas-servizzi finanzjarji lokali u professjonisti internazzjonali, uffiċjali eżekuttivi tal-ogħla livell, dawk li jfasslu l-politika tal-Unjoni Ewropea, rappreżentanti tal-Gvern Malti, uffiċjali ta’ organizzazzjonijiet globali, investituri, innovaturi, kif ukoll akkademiċi u riċerkaturi rinomati.

Il-Ministru għall-Finanzi u l-Impjiegi Onor. Clyde Caruana u aktar minn 40 espert ewlieni lokali u internazzjonali indirizzaw il-konferenza, u ddiskutew l-aktar temi kurrenti f’sensiela ta’ diskussjonijiet tal-panels u fireside chats matul il-ġurnata. L-attività tmexxiet mill-espert fl-akkwist tat-talent u l-fundatriċi ta’ FM Search Francina Moisa, u nfetħet b’diskors miċ-Chairman ta’ FinanceMalta George Vella.

Hekk kif laqa’ lid-delegati li attendew għall-konferenza, is-Sur Vella ffoka fuq is-sostenibbiltà, id-diġitalizzazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni bħala t-tliet pilastri ewlenin għal strateġija ta’ suċċess li tmexxi s-settur finanzjarju ‘l quddiem, u enfasizza l-impenn ta’ FinanceMalta li tappoġġja l-industrija f’dawn l-oqsma.

Il-Ministru Caruana qal li s-settur tas-servizzi finanzjarji jista’ jġib il-qabża sinifikanti ‘l quddiem li hemm bżonn f’Malta. Huwa enfasizza l-intenzjoni tal-gvern li jara li sseħħ l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għas-Servizzi Finanzjarji li tnediet mill-Kunsill Konsultattiv tas-Servizzi Finanzjarji Malti (MFSAC) f’Marzu 2023 u qal li miżuri speċifiċi f’dan ir-rigward se jissemmew fil-baġit li ġej.

Il-konferenza bdiet b’diskussjoni dwar ir-rwol kruċjali li għandha l-industrija tas-servizzi finanzjarji biex il-flussi tal-kapital jiġu diretti lejn proġetti ekoloġiċi sabiex tiġi ffaċilitata il-kisba tal-miri ESG u l-miri Net Zero. Id-diskussjoni ġabet f’perspettiva l-progress li qed jiġi rreġistrat fil-livell lokali bħala riżultat tal-isforz tal-intrapriżi privati ​​kif ukoll tar-regolaturi. Dan kien segwit mill-qsim ta’ għarfien dwar is-suq tal-green bonds u l-ewwel green bonds fil-Borża ta’ Malta. L-aġenda ħadra fis-servizzi finanzjarji ġiet esplorata aktar f’diskussjoni dwar il-blue economy li tippreżenta wkoll opportunitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali għall-investituri Maltin. 

Il-konferenza ddiskutiet ukoll ir-rwol ċentrali tal-FinTech bħala mutur ewlieni tal-innovazzjoni. F’dan ir-rigward, id-delegati ġew infurmati dwar l-istudju li qed isir minn Mastercard b’kollaborazzjoni ma’ FinanceMalta. L-istudju huwa mmirat biex jikseb fehim aktar profond tal-ekosistema Fintech Maltija u t-triq ‘l quddiem. Ir-rwol sinifikanti u multidimensjonali tal-Intelliġenza Artifiċjali (AI) fis-servizzi finanzjarji, li jittrasforma kif l-industrija topera u taqdi lill-klijenti tagħha, kien is-suġġett ta’ sessjoni oħra tal-panel.

It-triq ‘il quddiem fis-settur tas-servizzi finanzjarji kompliet tiġi esplorata waqt il-konferenza permezz ta’ ħarsa lejn ir-rwol tal-World Alliance of International Financial Centers (WAIFC), li tagħha FinanceMalta saret membru sħiħ f’Ottubru 2022, fil-promozzjoni taċ-ċentri finanzjarji permezz tal-kollaborazzjoni u l-kondiviżjoni kontinwa ta’ għarfien fuq livell internazzjonali. FinanceMalta qed tikkontribwixxi b’mod attiv għal dan id-djalogu u żżid l-espożizzjoni ta’ Malta bħala innovatur fis-servizzi finanzjarji.

Id-diskussjoni dwar l-immodernizzar tas-sistema tat-tassazzjoni f’Malta xeħtet dawl fuq il-komponent tat-taxxa fis-servizzi finanzjarji, biex jiġi żgurat li t-tassazzjoni taqbel mal-profil tal-ġurisdizzjoni filwaqt li tingħata spinta lir-reputazzjoni u l-effiċjenza taċ-ċentru finanzjarju Malti. It-tema tal-prospetti futuri tas-settur finanzjarju kompliet tiġi inidirizzata permezz ta’ ħarsa ġenerali lejn l-elementi komuni fit-trajettorja strateġika tal-industrija b’saħħitha tal-avjazzjoni, is-settur marittimu u s-servizzi finanzjarji ta’ Malta.

Iċ-chairman tal-Kunsill Konsultattiv tas-Servizzi Finanzjarji Malti (MFSAC) Joseph Zammit Tabona qasam mal-konferenza rendikont dettaljat tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għas-Servizzi Finanzjarji mit-tnedija tagħha f’Marzu. Spjega li qed isiru sforzi intensivi minn erbatax-il grupp ta’ ħidma, li żdiedu minn disgħa. Bħalissa qed jitfassal abbozz ta’ master plan biex jiġu identifikati l-inizjattivi li se jiġu implimentati sa Diċembru 2024. Tkellem ukoll dwar il-kontribut importanti tar-regolaturi ta’ Malta fl-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija. Is-sessjoni dwar l-Istrateġija Nazzjonali għas-Servizzi Finanzjarji inkludiet ukoll kontribuzzjonijiet minn Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, u Geraldine Spiteri Lucas, Kap Eżekuttiv tal-Malta Business Registry.

L-avveniment kien appoġġjat minn 20 sponsor, fosthom Moneybase (Diamond Sponsor), Mastercard, Bank of Valletta, il-Malta Stock Exchange u Systemic. L-Expo Hall ospitat 14-il esebitur lokali u internazzjonali li wrew il-prodotti tagħhom waqt l-avveniment.

Il-konferenza annwali kellha kelliema internazzjonali distinti fosthom l-uffiċjal rappreżentant tal-Bank Ewropew għall-Investiment (EIB) fl-Unjoni tal-Mediterran (UFM) għall-Finanzi Sostenibbli u Investimenti, Andrea Tinagli; id-Direttur Maniġerjali tal-Alleanza Dinjija taċ-Ċentri Finanzjarji Internazzjonali (WAIFC) Jochen Biedermann; l-esperta tal-governanza tal-AI, fintech u trasformazzjoni diġitali, u awtriċi magħrufa, Clara Durodié; u l-Advisors Cluster Lead tal-Mastercard għall-Greċja, Ċipru u Malta, Akis Tsekouras.

Sport