Monday, June 15, 2026

Fl-ewwel kwart tal-2026 kien hemm 10,022 post tax-xogħol vakant

Aqra wkoll

Fl-ewwel kwart tal-2026, kien hemm b’kollox 10,022 post vakant fʼintrapriżi li jħaddmu ħaddiem wieħed jew aktar, żieda ta’ 13.4 fil-mija fuq l-istess perjodu tas-sena taʼ qabel.

Dan intqal f’rapport li ġie ppubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatisika (NSO) li ppubblikat r-riżultati tal-Istħarriġ dwar il-Postijiet tax-Xogħol Vakanti. 

Postijiet tax-xogħol vakanti

Fl-ewwel kwart tal-2026, kien hemm b’kollox 10,022 post vakant fʼintrapriżi li jħaddmu impjegat wieħed jew aktar. Dan l-ammont fisser żieda ta’ 13.4 fil-mija fuq l-istess perjodu tas-sena taʼ qabel.

L-oqsma tal-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, tat-trasport u l-ħażna, tal-attivitajiet taʼ servizz tal-akkomodazzjoni u tal-ikel, tal-attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi, u tal-attivitajiet ta’ amministrazzjoni u ta’ servizz ta’ appoġġ ħalqu aktar minn 60 fil-mija tal-postijiet vakanti kollha fl-ewwel kwart tal-2026 mill-intrapriżi fil-mira. Min-naħa l-oħra, il-qasam tal-attivitajiet tal-proprjetà immobbli rreġistra l-inqas għadd ta’ postijiet tax-xogħol vakanti, li kien fil-livell ta’ 1.6 fil-mija tal-għadd kollu tas-sejħiet għall-applikazzjoni fl-istess żmien.

L-NSO tirraporta li meta mqabbel mal-istess żmien fl-2025, l-akbar żieda fl-għadd ta’ postijiet vakanti kienet irreġistrata fl-oqsma tal-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, tat-trasport u l-ħażna, u tal-akkomodazzjoni u l-attivitajiet tas-servizz tal-ikel. Fʼdawn l-oqsma, il-postijiet tax-xogħol vakanti telgħu bʼ688, biex laħqu bʼkollox 3,143 vakanza. 

L-oqsma tal-attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi, u tal-attivitajiet ta’ amministrazzjoni u ta’ servizz ta’ appoġġ irreġistraw it-tieni l-akbar żieda, sena għal sena, bʼ512-il vakanza oħra. Għall-kuntrarju, l-amministrazzjoni pubblika, id-difiża, l-edukazzjoni, is-saħħa tal-bniedem u l-ħidma soċjali kellhom l-akbar tnaqqis fil-postijiet tax-xogħol vakanti meta mqabblin mal-ewwel kwart tal-2025, bl-għadd taʼ postijiet tax-xogħol vakanti jinżel bi 341.

Fir-rapport tagħha skont l-istħarriġ li sar l-NSO tgħid li t-tqassim tal-postijiet tax-xogħol vakanti bid-daqs tal-intrapriża juri relazzjoni negattiva bejn id-daqs tal-intrapriża u l-livell ta’ postijiet tax-xogħol vakanti. L-intrapriżi ż-żgħar (1-49 impjegat) kellhom aktar minn nofs il-postijiet vakanti fl-ewwel kwart tal-2026, filwaqt li l-kumpaniji kbar b’250 impjegat jew aktar ikkontribwew 16.8 fil-mija għas-sehem kollu taʼ postijiet vakanti.

Fis-settur privat, l-għadd taʼ postijiet tax-xogħol vakanti żdied bʼ1,281 bejn l-ewwel kwart tal-2025 u l-ewwel kwart tal-2026, u kien jgħodd bʼkollox 9,676. Għall-kuntrarju, is-settur pubbliku rreġistra 346 post tax-xogħol vakanti matul l-istess perjodu. Kif turi Ċart nru 4, is-settur privat baqaʼ jiddomina fis-suq tal-postijiet tax-xogħol vakanti u kellu 96.5 fil-mija tal-postijiet tax-xogħol vakanti kollha, filwaqt li s-settur pubbliku rrappreżenta t-3.5 fil-mija li jifdal.

Rata ta’ postijiet tax-xogħol vakanti

Fl-ewwel kwart tal-2026, ir-rata ta’ postijiet tax-xogħol vakanti f’Malta kienet taʼ 3.3 fil-mija. Bʼhekk, naqset b’0.1 punti perċentwali meta mqabbla mat-tliet xhur taʼ qabel u żdiedet b’0.3 punti percentwali meta mqabbla mal-ewwel kwart tal-2025. Fost l-attivitajiet ekonomiċi, il-kostruzzjoni rreġistrat l-ogħla rata ta’ postijiet tax-xogħol vakanti bʼ5.3 fil-mija, filwaqt li l-qasam tal-amministrazzjoni pubblika, id-difiża, l-edukazzjoni, is-saħħa tal-bniedem u l-ħidma soċjali rreġistra l-aktar rata baxxa taʼ postijiet tax-xogħol vakanti, bʼ0.9 fil-mija.

Intrapriżi żgħar, li jħaddmu bejn 1 u 49 impjegat, urew rata ogħla ta’ postijiet tax-xogħol vakanti – 5.1 fil-mija, li jissuġġerixxi domanda akbar għax-xogħol f’dan il-qasam. L-intrapriżi l-kbar, li jħaddmu 250 impjegat jew aktar, urew rata aktar baxxa ta’ postijiet tax-xogħol vakanti – 1.4 fil-mija.

Fl-ewwel kwart tal-2026, is-settur privat irreġistra rata ta’ 4.0 fil-mija ta’ postijiet tax-xogħol vakanti. Min-naħa l-oħra, is-settur pubbliku rreġistra rata taʼ 0.6 fil-mija tul l-istess perjodu, itemm jgħid ir-rapport tal-NSO.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport