Saturday, April 20, 2024

Fl-ewwel sigħat il-mobile tal-vittma ma kellux frekwenza … tneħħew tunnellati ta’ materjal sakemm daqq

Operazzjoni delikata li ħadet madwar 16-il siegħa

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-sit ta’ kostruzzjoni li ġġarraf ilbieraħ fil-qasam industrijali ta’ Kordin kien wieħed fi stadju avvanzat fejn minbarra parti mill-binja li kienet taħt il-livell tal-art, numru ta’ ħaddiema kienu qegħdin jagħtu l-konkos fuq is-saqaf tat-tielet sular meta seħħ l-inċident.

Dan is-sit jinsab infurmat li l-ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili mill-evalwazzjoni preliminari bdew it-tfittxija tagħhom minn linja ta’ 25 metru. Din id-distanza kienet tkompri żewġ punti ta’ referenza. Punt A kien determinat minn filmat ta’ CCTVs fiż-żona li juri l-post li minnu daħal iż-żagħżugħ biex inewwel xi għodda u punt B, il-post fejn kellu jasal bl-istess għodda skont l-indikazzjoni ta’ fejn kienu qegħdin jaħdmu l-ħaddiema.

Malli ġiet determinata dik iż-żona li fiha kellha tibda l-operazzjoni, il-klieb tad-Dipartiment taw indikazzjoni ta’ fejn seta’ kien il-vittma. Madanakollu wieħed irid jifhem li minkejja taħriġ, is-sitwazzjoni qalb tunnellati ta’ tifrik u nuqqas ta’ stabbiltà dawn ukoll ikunu affettwati fil-ħidma tagħhom. Bl-għajnuna tal-klieb, id-distanza naqset għal 10 metri ta’ tfittxija. Beda jitneħħa l-materjal, iżda l-operazzjoni kienet waħda mill-iżjed delikata għax il-bqija tal-istruttura kienet imminenti li tista’ ċċedi minn ħin għall-ieħor. Mal-ħin kien hemm anke partijiet minn din l-istruttura li tneħħew b’mod kontrollat biex setgħet tkompli l-operazzjoni.

Rigward il-kuntatt mal-mobile tal-vittma, matul l-ewwel sigħat l-uffiċjali ma rnexxilhomx jagħmlu kuntatt minħabba li sfortunatament huwa kien mirdum pjuttost fil-fond. L-uffiċjali kienu kawti ħafna rigward il-lokalizzazzjoni tal-vittma minħabba li sa mill-ewwel sigħat mill-bidu tal-operazzjoni, l-mobile ma kellux frekwenza u ma bediex jintlaħaq.

Minkejja dan, l-uffiċjali komplew ineħħu l-materjal, f’sitwazzjoni delikata fejn kien hemm bżonn li jneħħu ġebla ġebla qalb l-ammont kbir ta’ tifrik li kien hemm fiż-żona indikata mill-klieb.

L-uffiċjali kellhom indikazzjoni iktar ċara tard billejl fejn wara li tneħħew tunnellati ta’ tifrik, irnexxielhom jisimgħu l-mobile tal-vittma li minħabba li tneħħa dak l-ammont ta’ terrapien minn fuqu rnexxielhom jistabbilixxu l-frekwenza tal-istess mobile. B’apparat sofistikat, anke li ssejjaħ mill-privat, tneħħew xi partijiet mis-soqfa li kienu ċedew sakemm instab il-vittma li sfortunatament ġie ċċertifikat bla ħajja.

Ħames ħaddiema rnexxielhom isalvaw wara li b’ħidma li bdiet biss ftit minuti wara l-kollass, pumpiera rnexxielhom jgħinuhom joħorġu minn qalb it-tifrik sabiex setgħu jittieħdu lejn l-Isptar Mater Dei b’urġenza. Aktar tard tlieta minnhom ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi serji filwaqt li tnejn oħra sofrew ġrieħi gravi. Ħaddiem ieħor rnexxielu joħroġ mill-inċident mingħajr ġrieħi wara li qabad mal-pompa tal-konkos.

Sfortunatament JeanPaul Sofia, iż-żagħżugħ t’20 sena mis-Swatar ma rnexxilux jeħlisha minn ħalq il-mewt. L-operazzjoni ta’ salvataġġ kompliet minn diversi pumpiera matul il-lejl sakemm għall-ħabta tas-1:45 a.m huwa ġie lokalizzat u maħruġ minn qalb it-tifrik. Sfortunatament huwa kien iċċertifikat mejjet fuq il-post minn tim mediku mill-Isptar Mater Dei.

B’rabta ma’ dan l-inċident infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia filwaqt li l-Pulizija għadhom għaddejjin bl-investigazzjonijiet tagħhom.

Sport