L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatisika, – l-NSO – qal li matul ix-xhar ta’ Lulju ġew irreġistrati 1,207 kuntratt ta’ proprjetà. Dan ifisser 65 kuntratt inqas minn Lulju tas-sena li għaddiet jew inkella 5.1 fil-mija.
Minkejja dan it-tnaqqis minimu l-valur żdied bi 3.6 fil-mija u laħaq kważi €418-il miljun.
Għal kull għaxar kuntratti, kważi 9 kienu jinvolvu xerrejja individwali. Dawn kellhom valur totali ta’ €320 miljun, jew aktar minn tliet kwarti tal-valur kollu.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatisika rraporta li b’kollox ġew biddlu l-idejn 1,333 il-proprjetà. L-akbar sehem kien tal-appartamenti, b’470, segwiti minn 331 garaxx. L-akbar għadd ta’ kuntratti sar f’San Pawl il-Baħar, b’89 kuntratt, segwit minn Marsaskala b’60 kuntratt filwaqt li fil-Mosta kien hemm 54 kuntratt.
Dwar kemm saru konvenji l-NSO tirraporta li fil-xahar ta’ Lulju saru 1,147 konvenju li jfisser 8 biss inqas meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena li għaddiet.
Iżda l-istess bħal kuntratti, kien hemm żieda fil-valur b’6.5% li jfisser kważi 10% aktar meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena li għaddiet. Il-valur kien ta’ €483 miljun.
San Pawl il-Baħar kellu l-akbar għadd ta’ konvenji, b’115, segwit minn Birkirkara b’77 u l-Mosta bi 53.

