Saturday, December 21, 2024

F’Marzu li għadda komplew jiżdiedu l-impjiegi full-time u anke dawk part-time

Aqra wkoll

F’Marzu li għadda, pajjiżna reġa’ ra żieda fl-impjiegi kemm dawk li huma fuq bażi full-time u anke dawk li huma fuq bażi part-time.

Dan ħareġ minn rapport li ġie ppubblikat mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO). Ir-rapport jgħid li f’Marzu l-impjiegi full-time żdiedu b’6.2%, filwaqt li dawk part-time bħala impjieg ewlieni żdiedu b’4.8% meta mqabblin maʼ Marzu taʼ sena qabel.

L-NSO tgħid li dan it-tagħrif amministrattiv mogħti minn Jobsplus juri li, fi żmien sena, il-provvista tal-ħaddiema (esklużi l-part-timers) żdiedet b’6.3% sabiex laħqet 286,376. Dan kien ġej l-aktar minn żieda, sena għal sena, fl-impjiegi rreġistrati full-time (16,764) u żieda fil-qgħad irreġistrat (131).

Ix-Xogħol Full-Time Irreġistrat

F’Marzu 2024, l-Attivitajiet taʼ servizz amministrattiv u taʼ sostenn u l-Attivitajiet taʼ servizz tal-akkomodazzjoni u tal-ikel kienu l-aktar żewġ oqsma li wasslu għaż-żieda fix-xogħol full-time, meta mqabblin maʼ Marzu 2023. Ix-xogħol full-time irreġistrat fis-settur privat telaʼ bi 15,895 persuna għal 233,375. L-impjiegi fis-settur pubbliku żdiedu bi 869 għal 51,857.

L-għadd taʼ nies irreġistrati li jaħdmu għal rashom full-time telaʼ b’784 meta mqabbel maʼ Marzu 2023, mentri l-għadd taʼ persuni rreġistrati bħala impjegati żdiedu bi 15,980. L-irġiel li jaħdmu full-time żdiedu b’6.2%, filwaqt li n-nisa żdiedu bʼ6.3 fil-mija, fuq is-sena taʼ qabel.

Ix-Xogħol Part-Time Irreġistrat

F’Marzu 2024, l-impjiegi rreġistrati bħala part-time żdiedu bʼ7.0% meta mqabblin mal-istess xahar tal-2023. L-oqsma li l-aktar wasslu għal din iż-żieda kienu l-Attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi u l-Attivitajiet taʼ servizz amministrattiv u taʼ sostenn.

L-għadd taʼ nies li kellhom kemm impjieg part-time kif ukoll ieħor full-time laħqu t-42,520, żieda taʼ 8.9% meta mqabbel mal-istess xahar fl-2023. Il-persuni li kellhom biss impjieg part-time kienu jammontaw għal 34,090, żieda taʼ 4.8% meta mqabblin mal-istess xahar fl-2023.

Ekonomija

Sport