Fi Triq l-Andar f’Ħal Għaxaq, għaddej xogħol ta’ riġenerazzjoni ta’ żona għall-picnics fuq medda ta’ art ta’ madwar 25,000 metru kwadru.
Waqt żjara fuq is-sit, il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli flimkien mat-tim ta’ Project Green u s-sindku ta’ Ħal Għaxaq Karl Boxall u membri oħra tal-Kunsill Lokali, żaru x-xogħlijiet li qed isiru b’investiment ta’ kważi miljun ewro.
Mil-bidu tal-proġett, saru diversi interventi li jkomplu jagħmlu dan il-proġett wieħed sostenibbli. Inbena ġibjun ta’ madwar 60 metru kubu, li l-ilma miġbur fih se jintuża għat-tisqija, filwaqt li nbnew ukoll faċilitajiet pubbliċi. Ix-xogħlijiet tal-infrastruttura taħt l-art tlestew, filwaqt li bħalissa l-passaġġi qed jitlestew, u l-installazzjoni tas-servizzi kemm tad-dawl u anke tal-ilma se jitlestew fil-jiem li ġejjin.

Dan il-proġett jinkludi wkoll l-installazzjoni ta’ bankijiet u mwejjed tal-picnic, inklużi dawk aċċessibbli u adattati għat-tfal, stands għar-roti, elementi ta’ logħob ibbażati fuq in-natura, tabelli informattivi, dawl li jaħdem bl-enerġija solari u sistema ta’ CCTV. B’kollox se jiżdiedu madwar 150 siġra u 150 arbuxxell ma’ dawk li diġà hemm.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif dan il-proġett għandu għan doppju. “F’din iż-żona qed naraw xogħol ta’ riġenerazzjoni biex jissaħħaħ l-ambjent naturali, il-bijodiversità u l-istabilità ekoloġika; iżda fuq kollox biex jitgawda min-nies. Qed naraw li din iż-żona tibqa’ waħda naturali b’interventi minimi filwaqt li jagħmlu l-post wieħed sigur biżżejjed biex il-familji jgawdu u jqattgħu ħin flimkien f’dan is-sit,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Chiara Darmanin, il-Project Manager f’dan il-proġett irrimarkat kif siġar taż-żebbuġ eżistenti se jinżammu bħala parti mill-proġett u qed jiġu protetti matul dan il-proċess t’implimentazzjoni, b’enfasi partikolari fuq il-ħarsien tas-sistemi tal-għeruq u l-veġetazzjoni eżistenti.
Il-proġett huwa kofinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea taħt Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

