Sunday, November 10, 2024

Għajnuna għal min isiefer għal kura u min jakkupanjahom

Sephora Cutajar
Sephora Cutajar
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem, il-Fondazzjoni Karl Vella nediet proġett bl-isem ta’ “Because you matter… Because we care”. Dan is-sit tkellem mal-Co-Fondatur u c-Chairperson ta’ din il-Fondazzjoni, Claire Chircop fejn qaltilna li dan il-proġett li joffri sapport psikoloġiku u intervent ta’ kriżi lill-pazjenti li jkunu qegħdin jirċievu kura barra minn Malta, kif ukoll lil min ikun qiegħed jakkumpanjawhom. 

Dan is-servizz se jkun qiegħed jingħata online minn numru ta’ professjonisti mill-qasam tas-saħħa mentali u bħala parti mill-proċess il-Fondazzjoni sa tkunu qiegħda tagħmel kuntatt mal-pazjenti/carers, minn qabel ma’ jitilgħu barra għal kura, biex jingħataw is-sapport emozzjonali wkoll. 

Servizz ta’ sapport psikoloġiku għall-pazjenti li jirċievu kura barra minn Malta u l-carers tagħhom

Claire Chircop qalet lil dan il-ġurnal kif esperjenza personali li għaddiet minnha wasslet għal ħtieġa ta’ estenzjoni ta’ dan is-servizz. Hija rrakontat magħna kif f’Ġunju tas-sena l-oħra, telgħet Londra għax kellha bżonn trapjant tal-mudullun. Dan wara li ftit jiem qabel il-Milied tas-sena 2020, kienet ġiet mgħarfa li kellha “Multiple Myeloma”,  li huwa tip ta’ kanċer fil-mudullun.  

“Kien żmien diffiċli ħafna għalija u għall-familja tiegħi. Il-fatt li kelli nħalli t-tfal warajja hawn Malta kienet iebsa wisq. Dak iż-żmien, kemm jien u kemm il-familja tiegħi  fittixna għajnuna psikoloġika biex tgħina naċċettaw u nipproċessaw dak li konna għaddejjin minnu.”

Matul dan iż-żmien, Claire u r-raġel tagħha kienu jgħixu ġo appartament ta’ Puttinu f’Sutton u hemmhekk iltaqgħu ma’ familji oħrajn li kienu għaddejjin minn sitwazzjonijiet simili u għaldaqstant sabu wens f’xulxin. “Sibna ħafna sapport ukoll minn Fr Mario u Fr Joseph, iż-żewġ patrijiet li jżuru il-familji Maltin kemm fl-appartamenti, kif ukoll fl-isparijiet b’mod regolari.”

Hija sostniet li minkejja li hi tegħlet hemmhekk bħala pazjenta, ma setgħetx ma’ ġġorrx magħha l-irwol tagħha fi ħdan il-Fondazzjoni Karl Vella u għalhekk bdiet tosserva t-tbatijiet li jgħaddu minnhom kemm il-pazjenti u kemm il-caregivers f’sitwazzjonijiet differenti.

Claire tenniet kif matul it-tliet xhur li għamlet f’Londra ghal kura, hija kienet diġà tkellmet mat-tim ta’ KVF li hemm il-bżonn li jiġi offrut dan it-tip ta’ servizz, u allura malli rifset lura Malta, skattat il-ħidma fuqu.  

Mumenti ta’ biża’ u inċertezza għall-pazjenti u l-carers…

Għaldaqstant tkellmu ma’ diversi carers li kienu barra minn Malta jieħdu ħsieb il-pazjent kif ukoll ma’ diversi persuni oħra u professjonisti li fil-ħidma tagħhom ikollhom x’jaqsmu ma’ familji li jitilgħu barra għall-kura. “Sibna ħafna sapport mit-treatment abroad unit ta’ Mater Dei, mill-uffiċju tal-British High Commission għal Malta u mil-Patrijiet Franġiskani Konventwali. Ix-xahar li għadda jiena u Mark Calleja (koordinatur tas-sapport psikoloġiku ta’ KVF) tlajna l-Inghilterra biex niltaqgħu u nitkellmu ma’ wħud mil-pazjenti u carers fl-appartamenti ta’ Puttinu Cares ġewwa Sutton u għand is-sorijiet Frangiskani tal-Qalb ta’ Ġesu’ fiċ-ċentru ta’ Londra.”

Minkejja li l-maġġoranza tal-pazjenti hemmhekk għandhom carer magħhom, it-tim ta’ KVF iltaqgħu wkoll ma’ pazjenti li qegħdin hemmhekk waħedhom. Matul dawn iż-żjarat, setgħu jaraw kif kemm il-pazjent u anke l-carer jgħaddu minn mumenti ta’ biża’ u inċertezza minn meta jkunu għadhom Malta. Dan għax mal-wasla tagħhom ġewwa l-Ingilterra wieħed idum ftit sakemm jorjenta ruħu mal-post u mar-rutina l-ġdida. Xi wħud jispiċċaw jgħaddu minn kriżi finanzjarja minħabba l-fatt li ma jkunx possibbli li jaħdmu waqt li qegħdin hemmhekk.  

“Rajna diffikultajiet li jgħaddu minnhom meta jridu jagħtu aħbar ħażina li jkunu rċevew lil familjari tagħhom hawn Malta.  Ħafna jħossuhom waħedhom u homesick.  Filwaqt li l-pazjent jgħaddi minn ħafna wġigħ fiżiku, rajna kif il-carer jgħaddi minn ħafna wġigħ emozzjonali.  Il-carer iġorr ħafna responsabbiltà dan għax jinsab waħdu jieħu ħsieb il-pazjent.  Hemm pazjenti li jitilgħu għal ftit ġimgħat, oħrajn għal ftit xhur u oħrajn għal snin u għalhekk il-bżonnijiet ivarjaw skond il-każ.”

Il-Fondazzjoni Karl Vella tinsab konxja li wieħed kapaċi jsibha diffiċli li jitlob l-għajnuna, għalhekk il-ħsieb huwa li l-fondazzjoni tagħmel kuntatt magħhom, possibilment minn qabel ma’ jitilgħu. B’hekk isiru jafuhom u tkun aktar faċli għalihom biex jikkuntatjawna meta jħossu l-bżonn.  It-tip ta’ sapport offrut huwa dak emozzjonali, psikoloġiku u f’interventi ta’ kriżi. Is-sapport offrut jiddependi fuq il-bżonnijiet tal-individwu u ċ-ċirkostanzi.  

“Minn dan is-servizz qegħdin naraw li se jibbenefikaw miijiet ta’ pazjenti fis-sena jintbagħtu għall-kura barra minn Malta. Dan is-servizz sa jagħti l-opportunità lil kull pazjent li jsiefer għall-kura, kif ukoll il-persuna li takkumpanjah, biex jibbenifika.”

Fil-ħidma tagħhom bħala Fondazzjoni, l-irwol tagħhom huwa li jappoġġjaw tfal li jkollhom membru fil-familja tagħhom ghaddej minn mard serju jew inkella li jkunu tilfu persuna għażiża għalihom.  Il-fondazzjoni bħala parti mill-proċess ta’ ħidma tagħha toħloq careplan għal kull tifel u tifla li jieħdu s-servizz minn għandhom, b’hekk il-fondazzjoni tkun tista’ żżomm kuntatt kontinwu mal-ġenituri tat-tfal. 

Il-fondazzjoni ma’ toffrix biss programmi fi gruppi ta’ terapija individwali lit-tfal, iżda toffri wkoll terapija individwali lill-ġenituri. Matul dawn is-snin, din il-Fondazzjoni tat l-appoġġ tagħha lil diversi tfal f’familji li kellhom bżonn kura barra minn Malta. 

Servizz ieħor li KVF qiegħda toffri, flimkien ma’ The Malta Community Chest Fund Foundation u l-Patrijiet Franġiskani Konventwali huwa ‘Life Beyond Loss’, fejn jipprovdu gruppi differenti li jappoġġjaw persuni li tilfu wild jew is-sieħeb/sieħba tagħhom.

“Meta tlajt Londra għall-kura ma stajtx ma nġorrx miegħi l-irwol tiegħi. Kien hemm bżonn għal dan it-tip ta’ servizz”

Claire Chircop, Co-Fondatur u Chairperson ta’ KVF

X’għandu jagħmel pazjent jew carer biex jirċievi apoġġ psikoloġiku?

Meta persuna tkun sa ssiefer għal kura, normalment isir kuntatt mat-Treatment Abroad Unit ta’ Mater Dei. Hemmhekk, il-pazjenti sa jingħataw formula biex jimlewha, fejn ikunu qegħdin jagħtu l-kunsens tagħhom biex il-Fondazzjoni Karl Vella tagħmel kuntatt magħhom.  

Apparti minnhekk, il-pazjent jew il-carer jista’ jagħmel kuntatt dirett billi jċempel fuq 7704 1569 jew permezz ta’ email lil [email protected] biex jiġi assistiet minn impjegat professjonist fil-qasam tas-saħħa mentali li sa jkun qiegħed jikkordina dan is-servizz.

Peress li dan huwa servizz bla ħlas, il-Fondazzjoni Karl Vella tiddependi ħafna fuq id-donazzjonijiet tal-pubbliku u l-isponsors.  Għaldaqstant dan is-servizz seta’ jsir possibbli grazzi għall-sponsors bħal BOV, Melita, JF Group u AM Mangion.

Wieħed jista’ jappoġġja din l-inizjattiva billi jagħti donazzjoni kif ġej:

Revolut fuq 77532468; jew permezz ta’ trasferiment bankarju fuq: IBAN No: MT40APSB77013000000039574010030

Sport