Sunday, November 24, 2024

Ġirja u għawma mill-Belt Valletta sal-Għarb Għawdex b’risq għat-tewmin Len u Jacob

…. l-għan hu li jinxtara lift sabiex ikun ta’ għajnuna għal familja.

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Nhar il-Ħadd li ġej 8 ta’ Ottubru,  tlett iħbieb se jiġru u jgħumu mill-knisja tal-Belt Valletta għal santwarju tal-Għarb biex jiġbru fondi għal Len u Jacob, tewmin ta’ 11-il sena li dan l-aħħar, saru jafu li qegħdin ibagħtu minn kundizzjoni rari u li bl-istess fondi li jaqilgħu se jkunu jistgħu jinvestu f’lift fid-dar tagħhom. 

Dan intqal minn Brian Galea, missier Len u Jacob f’kumment li ta lil dan is-sit Huwa irrimarka kif din is-sena għandhom sfida oħra. Dan hekk kif, l-atleti se jiġru mill-Belt għall-Marfa, jgħumu mill-Marfa għal Ħondoq ir-Rummien u jiġru sa Ta’ Pinu, Għawdex. Galea qal “Din kienet xi ħaġa qrib ħafna ta’ qalbna. L-għan tagħna għal din is-sena hu li ninstallaw lift f’darna peress li aktar mhu qed jikbru s-subien tagħna, Len u Jacob qed isibuha aktar diffiċli biex jitilgħu t-taraġ ta’ dar”

Il-missier qal ukoll li ppruvaw iġibu kwotazzjoni u li l-inqas somma tlaħħaq it-€30,000. Dwar il-kundizzjoni tat-tewmin, Galea qal li t-tfal qed ibgħatu minn Infantile Refsume Disease magħrufa bħala ‘Zwellinger’. Din il-kundizzjoni tolqot biss persuna minn miljun fejn l-ikel li huma jkunu qegħdin jieklu jagħmel ħsara qawwija lill-ġisem u li sa issa għad ma hemm l-ebda kura għaliha.   

Brian qal li meta hu u martu saru jafu li t-tewmin tagħhom għandhom din il-kundizzjoni, bdew jaħdmu id f’id u jkunu ta’ spalla għal xulxin. Qal ukoll li minbarra li sab sapport mingħand tal-familja, fosthom minn ibnu l-kbir Isaac, sabu wkoll appoġġ mingħand diversi ħbieb.

Din il-kundizzjoni tirrikjedi li jsiru ħafna tipi differenti ta’ terapiji, li l-ispejjeż tagħhom mhumiex ftit. Minħabba din ir-raġuni, Alison u Brian iddeċidew li jniedu l-Len and Jacob Fund, sabiex ikunu jistgħu jiġbru fondi mill-pubbliku. Dawk kollha li jixtiequ jagħtu donazzjoni fuq l- IBAN: MT04VALL22013000000050014493242 u fuq il-websajt GoFundMe: https://www.gofundme.com/f/len-jacob-wellness-fund.

Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook: Len and Jacob Wellness Fund.

Sport