Wednesday, July 24, 2024

Ġnien id-Dakkara: ġnien ġdid f’San Ġwann li jiċċelebra n-naħla Maltija

Aqra wkoll

Żona mitluqa ta’ 1,000 metru kwadru, li tinsab fil-periferija ta’ San Ġwann, ġiet mibdula fi ġnien pubbliku li jiffoka fuq l-importanza tad-dakkir u n-naħla Maltija.

B’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann u Project Green, Ġnien id-Dakkara huwa spazju ieħor aħdar miftuħ fil-komunità. Madwar 570 familja li jgħixu f’din iż-żona jistgħu jaċċessaw dan il-ġnien b’mixja qasira.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli, is-Sindku ta’ San Ġwann Trevor Fenech u l-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Joseph Cuschieri fetħu dan il-ġnien ġdid.

Ġnien id-Dakkara ser ikollu skop doppju. Dan il-ġnien jinkludi siġar u arbuxelli b’aktar trab tad-dakra (pollen), li jinkoraġġixxu d-dakkir tan-naħal, kif ukoll santwarju għan-naħal f’żona speċifikament għalihom. Fl-istess ħin, il-ġnien joffri wkoll esperjenza ta’ edukazzjoni ambjentali għall-viżitaturi sabiex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza tan-naħla Maltija.

Il-ġnien fih varjetà rikka ta’ flora, bi 92 siġra u 276 arbuxelli, inkluż siġar taċ-ċipress, tal-ħarrub, tal-kasti, tal-palm, tal-ballut u siġar tal-ġacaranda, flimkien ma’ ħxejjex aromatiċi magħżula biex jippromwovu d-dakkir.

Id-dakkara huma kontributuri essenzjali għall-bijodiversità lokali. Dan għaliex huma jrawmu t-tkabbir ta’ pjanti diversi, u jippermettu d-dakkir inkroċjat, filwaqt li jservu bħala għodod edukattivi biex nifhmu l-irwol ċentrali tagħhom fl-ekosistemi.

Permezz ta’ dan l-investiment, Project Green għenet lill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann jittrasforma għalqa traskurata, li tinsab maġenb triq arterjali, fi spazju pubbliku sigur u aċċessibbli. Id-disinn tal-ġnien huwa wieħed eżagonali u aċċessibli li fih ġie integrat pjattaformi tal-injam biex jinħoloq passaġġ, b’bankijiet u għamara oħra ta’ barra.

Il-Ministru Miriam Dalli enfasizzat l-impenn tal-Gvern li jagħmel impatt ambjentali pożittiv. “Billi jlaqqa’ flimkien l-edukazzjoni ambjentali, ir-rikreazzjoni u t-tisħiħ tal-bijodiversità tagħna, dan il-proġett juri livell għoli ta’ kreattività fi spazji miftuħa. In-naħal tal-għasel huma kruċjali għall-ekosistema tagħna, u jdakkru madwar 80% tal-uċuħ tar-raba’, jippermettu t-tkabbir ta’ diversi pjanti u jappoġġaw il-katina tal-ikel tagħna. Biex inkomplu nenfasizzaw l-importanza ta’ dan il-proċess, il-ġimgħa li għaddiet nedejna konsultazzjoni pubblika biex in-naħla Maltija tiġi ddikjarata bħala l-insett nazzjonali ta’ Malta,” qalet Miriam Dalli.

Is-Sur Trevor Fenech, Sindku ta’ San Ġwann, esprima l-entużjażmu tiegħu għat-trasformazzjoni ta’ din iż-żona li darba kienet mitluqa, fi spazju aħdar ġdid fi ħdan il-lokalità. “It-trasformazzjoni ta’ din l-art mitluqa fi ġnien ġdid, tirrifletti l-impenn tagħna biex noħolqu spazji miftuħa u sostenibbli fil-komunità,” stqarr is-Sur Fenech.

Huwa kompla jenfasizza l-iskop multidimensjonali tal-ġnien li għadu kif ġie stabbilit, filwaqt li enfasizza r-rwol tiegħu bħala ċentru ta’ tagħlim għat-tfal. “Dan il-ġnien se jservi wkoll bħala ċentru ta’ tagħlim għat-tfal biex jitgħallmu dwar ir-rwol importanti li għandhom in-naħal fis-soċjetà tagħna,” żied Fenech.

Beverly Costa, COO ta’ Project Green, tkellmet dwar ix-xogħlijiet li saru biex inħoloq dan il-ġnien. “Aħna ikollaborajna mal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann, biex dan il-ġnien jingħata l-ħajja. Ser inkomplu naħdmu mal-kunsilli lokali, NGOs u partijiet interessati oħra biex noħolqu aktar spazji ħodor ġodda għall-komunitajiet tagħna,” qalet Beverly Costa.

Għal aktar informazzjoni, żur project.green jew segwi l-medja soċjali ta’ Project Green u Sostenibilità.

Ekonomija

Sport