Sunday, November 24, 2024

Grech isostni li l-PN se jibqa’ joffri t-tama għall-bidla

Isejjaħ għal protesta oħra quddiem il-Parlament fid-dibattitu tal-Ħamis li ġej dwar l-isptarijiet

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, f’attività politika f’San Pawl il-Baħar qal li minkejja li talab lill-Prim Ministru Robert Abela biex jiftaħ kawża ħalli jġib lura aktar minn €400 miljun imħallsa “lill-barranin” għat-tliet sptarijiet, sostna li għaddiet ġimgħa li fiha mhux biss ma qal xejn, iżda skont huwa “lanqas beda jieħu l-interess nazzjonali”. Fir-rigward Grech saħaq li bħala Partit Nazzjonalista, minkejja kollox, huma se jkomplu jkunu l-vuċi tal-poplu għax huwa fid-dmir tagħhom li jsemmgħu leħen il-poplu u jħarsu l-interessi nazzjonali.

Filwaqt li Grech spjega li huwa l-Gvern biss li jista’ jiftaħ kważa biex jingħataw lura l-flus li tħallsu lil Vitalis, huwa stieden lil kulħadd biex nhar il-Ħamis li ġej imur quddiem il-Parlament waqt id-dibattitu dwar l-isptarijiet. Hawn huwa sostna li, “flimkien nistgħu nerġgħu ningħaqdu u nkunu b’saħħitna aktar mill-politiċi korrotti u minn dawk li telgħu fil-gvern biex jisirqu. Nemmnu li nistgħu għax flimkien possibbli. Jeħtieġ li nsibu l-kuraġġ għax dan huwa l-mument tal-fidwa tal-poplu mill-ħbula tal-bwiet tal-ftit. Huwa dritt tal-poplu u aħna għandna d-dmir li nsemmgħu leħen il-poplu”.

Il-Kap tal-PN fakkar fl-importanza li jżommu saqajhom mal-art biex jifhmu lill-poplu għax f’din is-sitwazzjoni jrid li jagħtu tama liċ-ċittadini ħalli jimxu ‘l quddiem f’pajjiż li jixraqilhom. “Qiegħed jinħoloq moviment li ma jridx jgħix f’politika ta’ ngann. Iridu li jkollhom pajjiż ġust fejn kulħadd jista’ taħdem, fejn ikun hemm servizz ta’ saħħa aħjar, edukazzjoni aħjar, kif ukoll ġustizzja u soċjetà li tagħtik il-wens,” kompla jinsisti Grech.

Fir-retorika ta’ attakki għal kulma jagħmel il-Gvern ta’ Robert Abela, il-Kap tal-PN semma’ esperjenzi ta’ persuni li qal li kellmuh minħabba nuqqas ta’ servizz fis-saħħa. Fir-rigward huwa qal li l-PN se jinvesti fi sptar f’Għawdex “għax iċ-ċittadini mhumiex tat-tieni klassi”. Sostna li l-Gvern abbanduna lil minn tellgħu, liż-żgħir, lill-ħaddiema u lill-istudenti fejn allega li hemm anke Laburisti stess li kkummentaw bi kliem bħal “qegħdin jarawna insetti” dwar sħabhom fil-Gvern.

Fil-kummenti tiegħu Bernard Grech għamel enfasi fuq l-għażla, skont huwa, tal-Gvern tal-barranin fuq il-poplu Malti. Kummenti mqanqlin li ġew ripetuti kemm-il darba f’diskors li fih ħa ħsieb li jistieden lill-poplu quddiem il-Parlament. Dan barra li attakka personalment lil Robert Abela fejn qal li dan ifakkru “f’dak l-annimal li jkun fir-rokna lest li jattakka”. Grech allega li mal-ewwel opportunità l-Prim Ministru ta’ Malta jattakka u semma’ kif l-attakki fuq il-PN saru bil-għan li jkunu intimidati. “Imma lilna qatt m’hu se tintimidawna għax nemmnu fil-kawża tal-poplu u għandna fiduċja li nistgħu nbiddlu s-sitwazzjoni flimkien mal-poplu”. Kien hawn li sostna li bħala PN mhumiex se jħallu li jkunu attakkati l-ġudikatura u lill-maġistrati għax skont Grech, Abela “irrealizza li mhuwiex biżżejjed li taħtaf il-PBS jew li jużaw il-miljuni fil-propaganda. Il-qoxra taqa’ u n-nies tinduna li inti biss ingann”.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fid-diskors tiegħu semma’ wkoll l-imwiet ta’ Jean Paul Sofia u Bernice Cassar fejn sostna li, “mhuwiex biżżejjed li sraqt il-ħajja ta’ żgħażugħ u kellna l-mewta traġika ta’ Bernice. Hemm bżonn li mhux biss isiru rapporti, imma li tittieħed azzjoni fuq dawn ir-rapporti, li jkun hemm taħriġ u tingħata l-ġħodda meħtieġa”.

Sport