Ġuvni ta’ 17-il sena mill-Imsida, ilbieraħ waranofsinhar kien arrestat b’rabta ma’ allegat traffikar ta’ droga f’Ħal Għaxaq.
Waqt sorveljanza fuq din il-persuna, il-Pulizija nnutat movimenti suspettużi minnha u deher kemm-il darba jiltaqa’ ma’ persuni different, possibiliment biex isir bejgħ ta’ droga.
Wara xi ħin taħt osservazzjoni, il-ġuvni ġie arrestat u minn tfittxija li saret fuqu ġew elevati 53 qartas b’sustanza suspettata kokaina, 11-il qartas b’sustanza suspettata eroina, u 3 qratas b’sustanza suspettata kannabis sintetika. Ġew elevati wkoll mobiles, kif ukoll oġġetti oħra relatati mat-traffikar tad-droga u flus kontanti.
Huwa qed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija l-Floriana u mistenni jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta tal-11.00am quddiem il-Maġistrat Dr Donatella Frendo Dimech LL.D.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.



