Sunday, December 29, 2024

Ġuvni mixli li seraq żewġ midalji tad-deheb storiċi li jiswew €400,000

Aqra wkoll

Justin Mallia, ġuvni ta’ 26 sena residenti Bormla baqa’ jinżamm arrestat wara li dalgħodu kien akkużat fil-Qorti li seraq żewġ midalji storiċi b’valur ta’ madwar €400,000.

Il-ġuvni, li fil-Qorti qal li m’għandux impjieg, tressaq quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea.

Kien ilbieraħ meta l-pulizija rċivew rapport li mill-Mużew Marittimu fil-Birgu kienu nsterqu żewġ midalji storiċi.

Il-Pulizija bdiet mill-ewwel bl-investigazzjonijiet tagħha fejn ġie arrestat Justin Mallia li fuqu nstabu ż-żewġ midalji misruqin.

Bil-każ kienet infurmata l-Maġistrat Lara Lanfranco li ħatret inkjesta maġisterjali dwar il-każ.

Mallia kien akkużat ukoll li uża isem falz biex daħal fil-Mużew u qalilhom li kien jaħdem hemm biex b’hekk ikun jista’ jwettaq is-serqa.

Meta mistoqsi jekk jammettix għal akkużi kontrih, Mallia għall-ewwel ammetta kif ukoll qal li kien seraqhom biex iħallas għal dejn li kien għamel biex seta’ jħallas għall-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor.

Iżda meta l-Maġistrat Galea wissietu li jista’ jeħel mill-inqas 8 snin ħabs, hu biddel fehmtu u wieġeb mhux ħati.

Id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk l-akkużat ittieħed fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Ekonomija

Sport