Saturday, December 21, 2024

Gvern li jibqa’ jiffaċilita l-progress ekonomiku

– il-Prim Ministru Robert Abela jħabbar il-ħruġ ta’ sejħa għar-Repożitorju Ċentrali tad-Dejta li jnaqqas il-burokrazija żejda

Aqra wkoll

It-Tlieta filgħodu, fil-binja tar-Reġistru tan-Negozji ta’ Malta l-MBR fiż-Żejtun, ittella’ Kabinett ieħor man-nies, din id-darba ma’ nies li b’xi mod jew ieħor jikkontribwixxu fil-qasam ekonomiku ta’ pajjiżna.

Wara li sema’ l-ħsibijiet ta’ bosta persuni ġejjin minn ażjendi varji, fosthom fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali, il-logħob diġitali, is-settur tal-ikel u oħrajn, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Gvern jibqa’ wieħed li jiffaċilita l-investiment u l-progress ekonomiku. Saħaq li filwaqt li huwa tajjeb li qed inkomplu nattiraw lejn pajjiżna niċeċ ekonomiċi ġodda, jeħtieġ li dan il-ġid inkomplu nkattruh billi nnaqqsu l-ostakli burokratiċi. Kien hawnhekk li ħabbar il-pubblikazzjoni tas-sejħa għar-Repożitorju Ċentrali tad-Dejta minn hawn u ftit tal-ġimgħat oħra. “Hawnhekk qed nitkellmu fuq sistema ċentralizzata li biha intrapriżi li jkollhom bżonn jgħaddu minn skrutinju ta’ entitajiet kompetenti, ikollhom sistema waħda ċentralizzata minn fejn jiġbru d-dokumenti fuq kumpanija,” saħaq Dr Abela.

Fisser li dan huwa l-mod kif jinstabu soluzzjonijiet innovattivi u moderni li jiffaċilitaw ħidmet l-intrapriżi. Ħabbar ukoll il-Credit Review Office li se jkun qed jibda jopera mill-ġimgħat li ġejjin. Qal li l-funzjoni ta’ dan l-uffiċċju se jkun li jirrikonċilja bejn banek u negozji dwar self mogħti lill-istess negozju. “Hekk jaħdem min jiffaċilita l-investiment. Dan nagħmluh għax nafu li l-investiment fil-pajjiż, il-fiduċja f’Malta, imbagħad tirrifletti f’investiment fin-nies,” sostna l-Prim Ministru.

Dwar ir-reġim tat-tassazzjoni l-Prim Ministru Robert Abela saħaq li filwaqt li l-Gvern qiegħed joħloq ambjent aħjar għal min jinvesti f’pajjiżna, qiegħed ukoll jaħdem fuq regoli u leġiżlazzjoni li ġejja minn barra. Qal li ħafna drabi dak li jkun jgħodd għal pajjiżi kbar Ewropej ma jkunx jgħodd għal pajjiż żgħir bħal tagħna. “Għalhekk importanti ħafna li l-Gvern u r-rappreżentanti ta’ pajjiżna f’istituzzjonijiet bħall-Parlament Ewropew dejjem ipoġġu l-interess ta’ pajjiżna l-ewwel,” qal Dr Abela.

Hawnhekk assigura lill-komunità kummerċjali li bħalma l-Gvern kien tarka għalih quddiem ix-xokkijiet fil-prezzijiet internazzjonali, l-istess se jiġri quddiem bidliet fil-leġiżlazzjoni internazzjonali.

Il-Prim Ministru temm jgħid li l-Gvern se jibqa’ jkun ta’ sors ta’ appoġġ għan-negozji għaliex il-viżjoni tal-Gvern tiddependi mis-suċċess tal-kumpaniji f’pajjiżna. “Bħala Gvern b’ruħ soċjali, aħna għandna bħala prijorità, li kulħadd jipprogressa u jilħaq l-aspirazzjonijiet. Biex dan iseħħ għandna bżonn ekonomija li dejjem tikber u toħloq opportunitajiet ġodda”, qal il-Prim Ministru. Hekk biss pajjiżna jista’ jibqa’ l-iktar ekonomija dinamika fl-Ewropa.

Ekonomija

Sport