Tuesday, April 16, 2024

“Ħaddieħor jista’ jegħleb il-mistħija kif għamilt jien” – Kim Pelham

Rebbieħa Konkors Miss Malta 2021

Aqra wkoll

Ftit tal-ġranet ilu f’lukanda ewlenija f’Għajn Tuffieħa seħħ il-konkors tant mistenni bl-isem ta’ Miss Malta. Kienet serata mill-isbaħ li ġiet ippreżentata mill-attur Heinrich Camilleri u Adriana Debattista. Dan l-avveniment ilu jsir sa mill-1963 u hu meqjus bħala l-eqdem konkors tas-sbuħija fil-gżejjer Maltin.

Hekk kif madwar 60 tfajla pparteċipaw f’din il-kompetizzjoni kienet Kim Pelham, li rrappreżentat il-lokalita’ ta’ San Ġiljan li rebħet dan il-konkors. Kim għandha 25 sena u hi accountant f’kumpanija privata. Din mhux l-ewwel darba li pparteċipat f’dan il-konkors għalkemm din id-darba x-xorti daħkitilha mhux ħażin b’dan l-ewwel post li kisbet.

Din il-gazzetta ltaqgħet mill-qrib ma’ Kim fejn sirna nafuha aktar mill-viċin. Fuq kollox spikkat l-umilta’ ta’ din it-tfajla ferm sabiħa li lanqas biss setgħet temmen li kisbet l-ewwel post f’dan l-avveniment ferm mistenni. Bla dubju li hi għaddiet minn vjaġġ sabiħ f’din id-dinja tal-immudellar li eventwalment għenitha sabiex toħroġ rebbieħa.

“Ma kontx qed nistenna li nirbaħ dan il-konkors għalkemm nammetti li ħdimt ħafna għalih sabiex inkun fl-aqwa kundizzjoni possibbli kemm mentalment kif ukoll fiżikament. Ninsab ferħana se ntir għax din il-ħolma li kelli sa fl-aħħar saret realta’.”

Iżda kif bdiet eżatt l-imħabba ta’ Kim lejn l-immudellar?

“Bdejt nimmudella ta’ eta’ żgħira ħafna. Minn dejjem kont interessata f’din id-dinja li kont naraha ferm affaxxinanti. Jiddispjaċini biss li ma stajtx niżviluppa aktar qabel f’dan il-kamp minħabba li ma kellix dik il-kunfidenza meħtieġa sabiex inżid il-potenzjal tiegħi. Forsi għax ma kontx biżżejjed b’saħħti mentalment.”

Kim tgħid li l-konkors ta’ Miss Malta għenha ħafna sabiex iżżid il-kunfidenza u dan ippermetta sabiex iseħħ dan is-suċċess li fissritu li ġara b’mod gradwali.

F’tip ta’ avvenimenti bħal dawn minkejja li t-tfajliet l-oħra huma kompetituri, fl-istess ħin ikun hemm ukoll l-lat ta’ ħbiberija bejniethom. Hi sostniet li rċeviet ħafna messaġġi mingħandhom kemm fuq il-mowbajl kif ukoll fuq is-siti soċjali sabiex jifirħulha għal dan is-suċċess li kisbet. Fil-fatt huma stess ipproponewlha sabiex xi ġurnata mhux ‘il bogħod jiltaqgħu kollha flimkien sabiex iġeddu din il-memorja riċenti iżda tant sabiħa.

Minkejja li din hi kompetizzjoni ta’ sbuħija, wieħed irid jikkunsidra li mudella mhux biss trid tkun sabiħa minn barra iżda wkoll minn ġewwa. Din hi kwalita’ importanti sabiex verament ikollok kif jgħidu l-pakkett komplut. Anke Kim hi tal-istess fehma.

“Is-sbuħija hi importanti iżda hemm ukoll il-lat interjuri tal-persuna. Wieħed għandu jara wkoll il-personalita’, il-karatteristiċi tal-persuna kif ukoll il-perċezzjoni tagħha lejn il-ħajja. Fuq kollox wieħed għandu jara l-qalb tad-deheb tal-persuna li hi tant importanti. Kif jgħidu, is-sbuħija hi importanti iżda mhux kollox!”

Kim għandha għal qalbha l-annimali abbandunati. Hi persuna li tħobb ħafna lil dawn il-ħlejjaq tant li addottat tlett iqtates kif ukoll kelb. Fit-tfulija tagħha dejjem tiftakar lilha nnifisha mal-annimali u ma timmaġinahiex mingħajrhom. Fissrithom bħala l-ħbieb tagħna l-bnedmin li għandhom emozzjoni u li jafu jħobbu bla limitu. 

Ir-rebbieħa ta’ Miss Malta għal din is-sena 2021 tinvolvi ruħha f’diversi attivitajiet sportivi filwaqt li għandha wkoll il-gym tagħha fil-lokalita’ fejn twieldet u għexet iġifieri San Ġiljan. Ma jonqosx ukoll li tagħmel l-eżerċizzju tagħha sabiex tkun fiżikament fl-aqwa kundizzjoni possibbli. 

“Nagħmel mezz li mmur nagħmel ġirja mal-promenade ta’ San Ġiljan għax nemmen ħafna fl-eżerċizzju fiżiku li hu parti mis-saħħa mentali tal-bniedem. Dan jgħin sabiex il-bniedem ikun jista’ jiffunzjona aħjar fil-ħajja u jagħtik ċerta pożittivita’ ta’ kif tħares lejn il-ħajja.”

Iżda l-mistoqsija tiġi waħidha? Kif jirnexxielha tlaħħaq max-xogħol u l-attivitajiet kollha li jkollha?

“L-ewwel u qabel kollox trid tkun bieżla sabiex tlaħħaq ma’ din l-istil ta’ ħajja. Nemmen ħafna fit-tqassim tal-ħin, li tqum kmieni u li tkun organizzata. Tipprova ma tinsa xejn u tagħti l-attenzjoni kollha lil kulħadd, kollegi tax-xogħol, tal-immudellar u fuq kollox lill-familja li tant hi għal qalb Kim. 

Mhux l-ewwel darba li Kim ikollha ġurnata twila u għalhekk ikollha taħseb sabiex tipprepara l-ħwejjeġ tal-immudellar u dawk sportivi sabiex tagħmel l-eżerċizzju meħtieġ. Dan kollu jitlob ippjanar minn ġurnata qabel sabiex hi tkun ippreparata.

Kim ma naqsitx li tirringrazzja lill-organizzaturi ta’ Miss Malta 2021 li ddeskrivithom li kienu ferm mirquma fid-dettalji tagħhom sabiex kollox imur kif ippjanat. B’mod partikolari, ringrazzjament speċjali lil Kersten Borg li flimkien mal-kollegi tiegħu organizza serata ferm sabiħa.

“Kersten ra li kull tfajla li kienet qed tipparteċipa f’dan l-avveniment ma jkun jonqosha xejn. Jien ngħid għalija ħassejtni ferm għal qalbi u apparti l-friefet li tħoss ġo fik u li huma normali wara kollox, kont rasi mistrieħa li kollox kien se jmur tajjeb fejn għandu x’jaqsam organizazzjoni.”

Iżda kif tara lilha nnifisha Kim minn hawn u għaxar snin oħra?

“Jien nara lili nnifsi mara li għandha karriera li jekk Alla jrid tkompli tiżviluppa. Jien naħdem bħala accountant u għalhekk waħda mix-xewqat tiegħi hi dik li jkollha l-business tiegħi. Min-naħa l-oħra nixtieq li jkolli familja u li nkompli nagħti l-kontribut tiegħi fix-xena tal-immudellar.”

Fl-aħħarnett, Kim xtaqet twassal messaġġ lil dawk it-tfajliet u ġuvintur li forsi neqsin mill-kunfidenza, xi ħaġa li għaddiet minnha hi stess.

“Għal dawk li forsi bħalissa jħossu xi ftit tal-mistħija żejda, jien ngħidilkom li m’hemmx għalfejn tibqa’ lura. Wara kollox, kulħadd huwa l-istess, kulħadd għandu moħħ biex jaħseb u talenti x’joffri. Kull bniedem għandu t-tajjeb u l-ħażin tiegħu. Għalhekk il-mistħija tista’ tingħeleb bħalma għamilt jien. “

“Irrid indaħħal aktar element li bl-Ingliż jissejjaħ self empowerment. Il-bniedem jista’ jgħaddi minn din il-fażi ta’ mistħija iżda finalment kapaċi jegħlibha, l-istess bħalma ġara lili. Għalhekk qatt m’għandkom taqtgħu qalbkom!”

Ekonomija

Sport