Il-pjani biex jitwaqqaf tim tal-futbol bl-isem ta’ Cospicua Warriors, liema tim kellu jieħu sehem fil-kompetizzjoni tal-MAFA, irriżulta li kien każ ta’ misapproprijazzjoni ta’ flus. Dan għax min kellu jwaqqaf dan il-klabb u jara li jkun irreġistrat, ħa l-flus minn qabel, iżda qatt ma rreġistra lit-tim, tant li l-MAFA stess f’komunikazzjoni qalet li dan it-tim ma twaqqafx.
Il-każ spiċċa fil-Qorti wara li dawk li ħarġu l-flus marru jagħmlu rapport fl-Għassa tal-Pulizija. F’xhieda li ngħatat minn PC Leonees Bianco James intqal li kien fl-4 ta’ Ottubru tas-sena 2025 meta daħal jirraporta l-Għassa tal-Belt ċertu Nathan Emanuel Vella u Antoine Joseph Daccache li ġew iffrodati minn Brignoli. Kien hemm għadd ta’ transazzjonijiet li l-għan tagħhom kien li jitwaqqaf tim tal-football ma’ l-MAFA. Dawn it-transazzjonijiet saru bla ma raw kambjamenti u li l-MAFA qalulhom li ma ġie reġistrat l-ebda tim tal-futbol. L-isem kellu jkun dak ta’ Cospicua Warriors. Iddikjaraw ukoll li kellhom group chat u bagħtu l-flus fuq ir- Revolut li kien jidher bl-isem ta’ Rachel Brignoli, li minn riċerka jirriżulta li kienet omm Osvaldo.
Xehed ukoll permezz il-Pulizija M Calleja li qal li kien xogħol l-Għassa Bormla meta kien ġie infurmat mill-Għassa Valletta li Nathan Vella u Antoine Daccache kienu għadhom kemm għamlu rapport ta’ miżapproprijazzjoni. Qal li Nathan Vella tkellem max-xhud u qallu li kemm il-darba ta ċansijiet lil Osvaldo biex iroddlu l-flus lura u dan dejjem qallu li ser irodd lura l-flus iżda qatt ma tah il-flus lura u dejjem sab skużi differenti. Nhar il-5 ta’ Frar 2026 mar l-għassa ta’ Bormla wara li ġie mgħajjat, Osvaldo Brignoli u wara li iffirma u ngħada d-drittijiet legali, qal li ser iżomm id-dritt tas-silenzju iżda qal li sa l-aħħar ta’ Frar ser iħallas il-flus kollha li għandu jagħti u dan bi ftehim ma’ Nathan. Fix-xahar ta’ Marzu Nathan ġie ikkuntattjat u ddikjara li qatt ma tħallas lura l-flus lilu dovuti u b’hekk kellhom jinħarġu dawn l-akkużi.
Antoine Daccache xehed li f’Settembru 2025 u iddikjara li ġie avviċinat minn ħabib tiegħu jismu Sijor Aquilina dwar il-formazzjoni ta’ tim tal-futbol biex jipparteċipa fil-league tal-MAFA. Dan wasslu sabiex jikkuntattja lil Osvaldo Brignoli permezz ta’ messenger. Ix-xhud identifika lil Osvaldo fl-Awla u spjega li qatt ma ltaqa’ miegħu wiċċ imb wiċċ, iżda kellhom komunikazzjoni esklussivament permezz ta’ Facebook Messenger. L-imputat daħħlu fi grupp relatat mat-tim u beda jitlob ħlasijiet diversi marbuta mal-parteċipazzjoni.
Skont l-istess xhud huwa jiddikjara li għamel għamel diversi pagamenti lil Osvaldo Brignoli ta’ €30 bħala fee inizjali, ta’ €30 oħra għal kit tal-futbol, sussegwentement €20 oħra allegatament għal membership, u aktar tard €30 oħra relatata ma’ tibdil fil-kits minħabba kuluri simili ma’ timijiet oħra.
Dawn il-ħlasijiet saru permezz ta’ Revolut fuq numru li ma kienx jidher li huwa ta’ Osvaldo iżda jidher li kien ta’ terza persuna. Ix-xhud spjega li eventwalment beda jissuspetta li s-sitwazzjoni ma kinitx regolari meta ma bdiet l-ebda attività sportiva u ma kienx hemm aktar komunikazzjoni effettiva. Huwa kkomunika ma’ uffiċjal tal-MAFA, David Abdilla, li nfurmah permezz ta’ email li t-tim ma kienx jeżisti u qatt ma ġie rreġistrat. Wara dan, ix-xhud talab lura l-flus li kien ħallas, iżda minkejja diversi tentattivi u opportunitajiet mogħtija lill-imputat, dawn qatt ma ġew rimborsati.
Xehed ukoll Nathan Emanuel Vella xehed li ġie infurmat minn ħabib tiegħu (Zijon) dwar opportunità li jingħaqad ma’ tim tal-futbol imsejjaħ “Cospicua”. Wara dan, beda jikkomunika ma’ Osvaldo Brignoli permezz ta’ Messenger. Skont ix-xhud, l-imputat talab ħlasijiet relatati mal-parteċipazzjoni fit-tim u l-provvista tal-kits. Ix-xhud iddikjara li, b’kollox, ħallas somma ta’ €340, li minnhom ingħata lura €20, u għalhekk baqa’ dovut lilu s-somma ta’ €320. Il- ħlasijiet saru permezz ta’ Revolut lejn numru attribwit lil terza persuna u mhux magħrufa max-xhud.
Ix-xhud David Abdilla xehed li f’Ġunju 2025 l-imputat Osvaldo Brignoli kien ikkuntattjah sabiex jidħol tim tal-futbol fil-Malta Amateur Football Association (MAFA). Huwa bgħattlu l-formola tal-applikazzjoni u nfurmah li kien meħtieġ li jitħallsu depożitu ta’ €150 u application fee ta’ €140 biex it-tim jiġi aċċettat. Skont ix-xhud, minkejja diversi tfakkiriet dawn il-ħlasijiet qatt ma saru. Konsegwentement, it-tim ma ġiex aċċettat biex jipparteċipa, u meta ttellgħu l- poloz tal-kampjonat, dan it-tim ma kienx inkluż. Ix-xhud ikkonferma wkoll li kien ikkomunika ma’ Antoine Daccache u infurmah, permezz ta’ email, li ma kienx hemm tim irreġistrat bl-isem “Cospicua Warriors” għal dak l-istaġun.
Il-Qorti iddikjarat li tħoss li dan huwa każ ta’ misapproprijazzjoni fil-forma klassika tiegħu. Il-parte-civile ħallsu diversi somom bil-quddiem lill-akkużat għal fini biex jitwaqqaf tim tal-futmol amateur u jiġi irreġisrat bħala tali biex ikun jista’ jilgħab fil-league kurrenti. Dan it-tim qatt ma tfassal u qatt ma twaqqaf minkejja li l-akkużat kien qed jitlob il-flus lill-parte civile għal waqfien tiegħu, kits, somom oħra talli persuni jkunu ilhom ma’ jilgħabu. U kif jirriżulta mix-xhieda ta’ Abdilla għalkemm huwa ġie avviċinat mill-akkużat f’Ġunju tas-sena 2025 biex iwaqqaf dan it-tim, intalab biex iħallas depożitu, liema depożitu sa Awwissu 2025 meta saru il-poloz baqgħu qatt ma tħallsu mill-akkużat. U jirriżulta anke mic-chats eżebiti u r-recordings li kien l-imputat li kien qed jitlob il-flus u mhux persuna oħra, filwaqt li jitlob li d-depożitu jsir f’kont li jappartjeni lil terza persuna. Lil din il-Qorti jirriżultalha ċar u tond sal-grad rikjest, li effettivament ix-xhieda kienu qed jintalbu l-flus u mitluba l-flus mill-akkużat u ħadd iżjed.
Qalet li l-akkużat kompla jipperpetwa l-ingann u l-qerq tiegħu billi ttanta li jitlob flus lil wieħed mix-xhieda talli kien ilu ma jilgħab bħala plejer, ħaġa li l-MAFA tiċħad li qatt żammet flejjes għal dan il-għan skond l-email eżebita mibgħuta lil Daccache mill-MAFA
Il-Qorti qalet li temmen li l-interess tal-parte civile huwa li jitħallsu lura l-ammonti li ħarġu u ħallsu lill-akkużat u mhux li hu jagħmel xi perjodu ta’ żmien maqful il-ħabs. Il-Qorti illiberatu bil-kundizzjoni li ma jagħmel l-ebda reat ieħor sa żmien sentejn mil-lum. OrdnaT lill-ħati Osvaldo Brignoli jħallas lil Antoine Daccache is-somma €110 u lil Nathan Vella s-somma ta’ €320.



