“Qaluli nibgħat it-tifel lura lejn pajjiżu. Kif nista’ nagħmel hekk?”. Tieqaf u bilkemm tkun tiflaħ tirrakkonta aktar. Wara tqum persuna tgħid kif spiċċat fuq il-proċedura tal-appelli fil-Qorti għax tilfet il-każ u ġiet iddikjarata illegali. Jitkellmu persuni oħra li ħallsu flejjes kbar biex ġew f’pajjiżna. Min, ħallas €8,000. Oħrajn €10,000 u jibqgħu telgħin sa €14,000. U waqt li qegħdin jitkellmu tara l-ansjetà. Tara it-tensjoni. Id-diżappunt. Fuq kollox l-inċertezza. Għax waqt li tkun fuq appell ma tistax taħdem u l-mistoqsija li ssir hi kif se ngħixu? Kif se nixtru l-ikel u nħallsu l-kera jekk ma naħdmux? U l-appelli, f’xi każi idumu snin ma jinqatgħu.
Quddiem dawn l-esperjenzi, preżenti kien hemm il-President tal-General Workers Union (GWU), Jason Deguara u s-Segretarju Brian Bonniċi. Il-President tal-GWU iddikjara bla tlaqlieq li “ħallejtuni bla kliem. Dawn l-istejjer messewli qalbi. Imweġġa’. Din mhux Malta li naf jien. Din il-laqgħa ta’ llum hi vjaġġ. Laqqajnikom hawn biex nisimgħu il-karbiet tagħkom. Dak li għaddejjin minnu. Dan hu vjaġġ li bdejnieh illum u se nkompluh. Qegħdin hawn biex ngħinu lilkom”.
Hu qal dan li għadd imdaqqas ta’ ħaddiema barranin li inġabru fil-GWU, liema ħaddiema bħalissa għaddejjin minn proċeduri ta’ appell rigward l-istatus tagħhom.
Fil-laqgħa spikka intervent ta’ persuna li magħha tħaddem persuna. Dan hu persuna li ġġieled bla waqfien biex il-ħaddiema li kellu miegħu tinżamm hawn. Spjega kif beda jħaddem lil din il-persuna f’daru u kien hemm bżonn li jgħaddi xi dokument relatati mal-passaport. Għaddihom fil-ħin. Jgħid li wara ammont ta’ żmien jirċievi mingħand l-awtoritajiet li l-ħaddiema li għandu qiegħda hawn b’mod illegali. Dan sempliċiment għax kien hemm xi informazzjoni nieqsa.
Iddikjara b’mod ċar li “m’għandix dubju li ħafna minnkom għandkom każijiet simili. Spiċċajt fl-appelli minħabba affarijiet żgħar li jistgħu jiġu rranġati. Din il-ħaddiema baqgħet miegħi u baqgħet hawn, tant kemm irsistejt jien bħala l-persuna li kont qiegħed inħaddimha”.
Minn naħa tiegħu, Brian Bonniċi, Segretarju tat-Taqsima, Ospitalità u Ikel tal-GWU, fl-intervent tiegħu qal li “aħna qegħdin ngħixu l-esperjenzi tagħkom. Se nkunu qegħdin nagħfsu biex dawn is-sitwazzjonijiet jitranġaw. Is-sistema trid tinbidel. Għandna sistema li jekk hawn bżonn 1,000 ħaddiema, biha qed jispiċċaw jiġu 3,000 ħaddiem bil-problemi kollha li jinqalgħu.”
Mil-laqgħa ħareġ li ma kienx faċli li ssir din il-laqgħa għal dan il-ħaddiema li qegħdin fi stadiu ta’ appell u dan minħabba theddid li rċevew.


