Tuesday, April 23, 2024

Ħasil ta’ flus u evażjoni ta’ taxxa fuq karozzi lussużi, ġojjelli u aktar li jaqbżu l-€20 miljun

Aqra wkoll

Erba’ rġiel Libjani akkużati b’ħasil ta’ flus u evażjoni ta’ taxxa ta’ aktar minn €20 miljun ewro kienu ilhom deħlin u ħerġin minn Malta b’ammonti kbar ta’ flus kontanti marbuta max-xiri ta’ karozzi lussużi, ġojjelli u ħwejjeġ tad-ditti, l-aktar mit-Turkija.

L-irġiel kien ilhom jivvjaġġaw bejn iż-żewġ pajjiżi mill-2010, iżda l-operazzjoni bdiet tikber mill-2019 ‘il quddiem, b’€18.5 miljun jiġu ddikjarati mil-Libjani, li l-maġġoranza tagħhom kienu jinvolvu l-importazzjoni tal-ikel.

Dan ħareġ fil-Qorti hekk kif il-Pulizija kompliet tressaq il-provi kontra Hesham Zayed,  kuntrattur  ta’ 45 sena  residenti l-Ħamrun, Essam Mohamed Edernawi ta’ 48 sena li jaħdem għal rasu, Khaled Baely u Hdidan Tamer Ramadan Ali. Tressqu wkoll akkużi kontra ħames kumpaniji rappreżentati minn Zayed, PHF Ltd, UGT Company Ltd, Express Route Company Ltd, HZ Medical Equipment and Health Services Company Ltd u H&H Investments Ltd.

L-imputati kienu arrestati wara li f’operazzjoni li wettqu il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil ta’ Flus, fejn ġew elevati żewġ vetturi lussużi li ammonti tagħhom huwa ta’ madwar €100,000 kull waħda, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti. Instabu wkoll pjanċi ta’ vetturi b’reġistrazzjoni barranija, apparat elettroniku li jinkludi fost oħrajn mobiles, pendrives, kompjuters, tablets u servers u ammont kbir ta’ dokumenti li għadhom qed jiġu analizzati.

L-Ispettur Keith Mullen xehed quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella kif il-pulizija rċevew informazzjoni f’Mejju tal-2020 dwar ċittadini Maltin ta’ oriġini Għarbija li allegatament kienu qed jiddikjaraw ammont sostanzjali ta’ flus kontanti fid-Dwana tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

“Bejn €100,000 u €200,000 kienu qed jiġu ddikjarati kull darba,” xehed l-Ispettur Mullen. Qal li l-investigazzjonijiet inizjali indikaw li l-persuni li kienu infurmati dwarhom ma kinux membri tal-istess grupp.

L-Ispettur spjega li Zayed kien l-ewwel iddikjara l-flus fl-2012, b’aktar dikjarazzjonijiet isiru fis-sentejn ta’ wara. Ma kien hemm l-ebda dikjarazzjonijiet f’ismu bejn l-2014 u l-2017 u wara ġew iddikjarati eluf, u f’okkażjoni waħda, ‘il fuq minn €1 miljun.

Intqal ukoll li Tamer kien iddikjara  €27,600 hu u ġej mill-Libja biex jixtri karozza. Baeley min-naħa tiegħu kien inqabad b’€250,430 fi Spanja bi flus kontanti mhux dikjarati filwaqt li Zayed kien iddikjara €298,700. L-Ispettur qal li kollox jindika li Zayed beda jnaqqas mill-joħroġ hu bi flus kontanti u persuni oħra daħlu fix-xena fosthom Baeley u Ramandan Alis Hdidan l-imputati.

Huwa spjega wkoll li sas-17 ta’ Frar, mad-Dwana ta’ Malta kienu ġew iddikjarati €20.7 miljun fi flus kontanti, li l-maġġoranza tagħhom kienu qed jittieħdu minn Malta għal Istanbul.

Għall-akkużati qed jidhru l-Avukati Franco Debono, Mario Buttigieg, Mario Mifsud u Christian Camilleri.

Sport