Matul il-ġimgħa li għaddiet hekk kif fir-raħal ta’ Birżebbuġa kienet qed tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Pietru, l-Għaqda Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa u l-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjjen spiċċaw milquta minn deċiżjoni tal-Qorti.
Din id-deċiżjoni waqqfet il-ħruq tan-nar, wara mandat ta’ inbizzjoni kontra l-ħruq ta’ xogħol pirotekniku waqt il-festa ta’ San Pietru. Dan il-ġurnal għamel intervista mal-President tas-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa s-Sur Alexander Caruana.
Huwa beda biex spjegalna li l-Ħamis, jiġifieri it-tieni jum tat-tridu, waqt li kien qed isir ħruq tan-nar tal-ajru mill-każin l-ieħor, sar xi ħruq u nħarqet għalqa u affarijiet oħra li kienu ġo din l-għalqa.
Caruana spjegalna kif il-Ġimgħa waranofsinhar ċempillu s-Segretarju fejn ġie infurmat b’mandat ta’ inbizzjoni mis-sidien li għandhom l-għelieqi biswit minn fejn isir il-ħruq tan-nar tal-ajru. Irrimarka li dawn kienu qed iwaqqfu lilhom u lill-każin l-ieħor milli jkomplu jaħarqu n-nar tal-ajru.
Kompla jispjegalna, li bħala Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa, hu flimkien mal-kumitat daħħlu rikors fil-Qorti s-Sibt filgħodu, liema rikors ġie aċċettat. Żied jgħid li s-sidien li għamlu dan il-mandat, aċċettaw biss li jsir l-ħruq tal-kaxxi u salut tal-erba’ pulzieri.
B’dispjaċir kbir, matul din l-intervista Caruana irrimarka kif kien hemm ammont kbir ta’ nar li nħadem mill-Għaqda Piroteknika tagħhom matul is-sena u dan sfortunatament kellu jibqa’ fil-kamra tan-nar.
Hawnhekk huwa żied jgħid; “Kif kulħadd jaf l-Għaqda tagħna hija waħda mill-iktar għaqdiet stabbiliti fil-gżejjer Maltin. Għandna pirotekniċi li ilhom snin twal jagħmlu nar tal-ajru ta’ livell għoli. Sfortunatament kontra qalbna dan ix-xogħol, kellu jispiċċa ma’ jinħaraqx”.
Lejn tmiem l-intervista, Caruana enfasizza fuq il-fatt li bħalissa wieħed irid joqgħod kawt u jistenna l-proċeduri tal-Qorti li jieħdu l-ħin tagħhom. Huwa tenna jgħid li bħalissa inqas kummenti, jemmen li jkun aktar aħjar anke għal festi li għadhom ma sarux


