Saturday, May 4, 2024

Ħati li ta n-nar vettura fil-Għargħur

… jingħata sentenza sospiża, ordnat iħallas €9,500 lill-vittma tad-danni u ġiet ikkonfiskata l-vettura li ntużat fir-reat

Aqra wkoll

Raġel li nstab ħati li ta n-nar vettura f’Ħal Għargħur, ingħata sentenza sospiża filwaqt li l-Qorti ordnatlu sabiex iħallas lill-vittma tad-danni li sofra u anke tal-ispejjeż kollha tal-Qorti. Barra minn hekk, il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska tal-karozza tal-ħati, li kienet intużat biex jitwettaq dan ir-reat.

Il-każ imur lura għall-4 ta’ Frar 2021, bejn is-1.00 a.m. u s-2.00 a.m., meta vettura Mazda Demio ngħatat in-nar fi Triq Dun Karm Fenech.

Il-Pulizija ġew infurmati bil-każ u mill-investigazzjonijiet tagħhom, b’mod partikolari minn cameras tas-sigurtà fil-viċinanzi li nġabru, irriżulta li n-nar kien tqabbad minn persuna ta’ sess maskili. Dan billi tefa’ fjuwil fuq il-vettura inkwistjoni u taha n-nar.

Minn aktar investigazzjonijiet, ġiet identifikata vettura tal-għamla Smart li dehret fil-viċinanzi u li abbażi tagħha l-Pulizija waslu għall-imputat, Neville Mifsud ta’ 42 sena minn San Ġwann. Dan tal-aħħar kien ċaħad l-involviment tiegħu f’dan il-każ.

Qabel ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud qieset li l-provi ċirkustanzjali kif imressqa mill-Prosekuzzjoni kollha kienu jindikaw li kien l-imputat li ta n-nar lill-vettura tal-parte civile.

Qalet ukoll li d-dikjarazzjonijiet tal-imputat, il-bdil fid-dikjarazzjonijiett tiegħu u n-nuqqas ta’ kredibilità tiegħu aktar ikomplu jsaħħu l-konvinċiment tal-Qorti li hu u ħadd aktar wettaq dan ir-reat.

Il-Maġistrat Joseph Mifsud nnota li każijiet bħal dawn joħolqu allarm fost il-komunità għaliex ma tkunx taf min hi l-id moħbija li wasslet għall-ħruq tal-karozza tal-vittma.

Għalhekk qal li filwaqt li se timponi piena ta’ priġunerija, se tara li din tkun waħda sospiża ħalli l-ħati jkun jista’ jħallas lill-vittma tad-danni u anke l-istat jieħu xi ħaġa lura permezz tal-konfiska tal-vettura li biha twettaq ir-reat.

Il-Maġistrat Mifsud qal li l-Qorti tifhem li jkun hemm ċertu kritika meta tingħata sentenza sospiża iżda wieħed ma jistax jiġġeneralizza għax biex titwettaq ġustizzja trid tara ċ-ċirkostanzi kollha li jkunu żviluppaw u jinstema’ wkoll leħen il-vittma u s-soċjetà.

Kien għal dawn ir-raġuni li l-Qorti sabet lil Neville Mifsud ħati li ta n-nar lil vettura u kkundannatu sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.

Il-Qorti ordnatlu jħallas lill-vittma s-somma ta’ €9,500 bħala danni, u anke s-somma ta’ €3,478 fi spejjeż tal-Qorti. Fl-aħħar nett ordnat ukoll il-konfiska tal-vettura Smart li ntużat fir-reat.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jeffrey Scicluna u Mario Xiberras.

Sport