Helpline dwar il-prevenzjoni t’abbuż fuq it-tfal

Aqra wkoll

‘Stop it Now! Malta’ huwa helpline ġdid imħaddem mid-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal, li se jkun qed iservi t’għodda speċjalizzata li ssaħħaħ il-prevenzjoni ta’ abbuż u sfruttament sesswali tat-tfal. Dan is-servizz jingħaqad mal-kullana ta’ servizzi oħra li jippromwovu approċċ proattiv għall-ħarsien tat-tfal permezz tal-edukazzjoni, l-appoġġ u l-intervent bikri.

B’differenza minn servizzi oħrajn, dan il-helpline preventiv 99059414, għandu l-għan li jilqa’ u jipprevjeni sitwazzjonijiet t’abbuż fuq minorenni. Għalissa dan il-helpline se jibda jopera mit-Tnejn sal-Ġimgħa, bejn id-9.00 a.m. u s-1.00 p.m.

Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja, Michael Falzon fejn spjega kif dan l-eżerċizzju huwa mezz ieħor ta’ kif il-ħaddiema soċjali qed isaħħu l-outreach tagħhom sabiex jipprevjenu kull tip t’abbuż li jista’ jkun hemm fuq minuri.

“Li nipprevjenu huwa kruċjali għax inkunu għadna fil-ħin li nistgħu nagħtu direzzjoni sabiex fi stadju bikri nevitaw li jsir abbuż, li miegħu jġorr konsegwenzi ferm negattivi tul il-kumplament ta’ ħajjithom,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Dan il-helpline se jservi wkoll ta’ gwida u sostenn għal dik il-persuna sabiex iżomm kontroll fuq l-imġiba tagħha, u huwa maħsub għal kwalunkwe persuna li għandha 18-il sena jew iktar. Persuni li huma mħassba fuq ħsibijiet ta’ natura sesswali lejn persuni ta’ taħt l-età, li tinkludi wkoll imġiba online, jistgħu jirrikorru għal dan is-servizz filwaqt li tiġi rrispettata anke l-anonimità tagħhom. Il-helpline huwa mmirat ukoll għall-individwi li bħalissa qed jiġu investigati fuq akkużi ta’ abbuż sesswali lejn minuri kif ukoll għal familjari u qraba tagħhom. Jista’ jkun t’għajnuna wkoll għal dawk illi għandhom tħassib fuq l-imġiba ta’ persuna oħra.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti qal li dan il-helpline ġie mniedi sabiex jilqa’ għal ċertu realtajiet bħal abbuż sesswali u anke rapporti relatati ma’ materjal pornografiku li jinvolvi l-minuri. Huwa spjega li ‘Stop it Now! Malta’ huwa mfassal b’kollaborazzjoni ma’ ‘Stop it Now! Uk & Ireland’ li ilu jopera b’suċċess ’il fuq minn 20 sena u li ħalla impatt pożittiv fuq dawk involuti.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport