L-għaġna bejn l-inklużjoni u l-volontarjat

Aqra wkoll


L-inklużjoni hija prinċipju, impenn, li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura. Tkun xi tkun iċ-ċirkostanza. Li fil-ħajja ta’ kuljum kulħadd ikollu l-istess opportunitajiet. Anke jekk biex isir hekk tkun meħtieġa l-għajnuna tal-Istat. Anzi. Dak huwa dover u dmir tagħna li dħalna għal din ir-responsabbiltà. Meta mbagħad fit-twettiq ta’ dan l-impenn, bħala parti mill-għajnuna li qed nirreferi għaliha ssib il-volontarjat, allura dak li jkun jifhem aktar kemm huwa sabiħ, kemm huwa ġojjell, il-valur tal-volontarjat.

Meta tagħġen dawn iż-żewġ ingredjenti flimkien ikollok għaġna li r-riżultat tagħha jkun mill-aktar bnin. Ikollok sodisfazzjon li servejt ta’ spalla għal ħaddieħor. Li għent biex tajt dik l-imbuttatura meħtieġa lil dawk, imqar wieħed jew waħda, biex ma jħossux lilhom infushom żvantaġġjati. Komplejt nesperjenza dan kollu meta fil-jiem li għaddew attendejt għall-preżentazzjoni tal-proġett “Flimkien għall-Festa Tagħna” li wettqet s-Soċjetà Każin San Ġużepp u Banda De Rohan ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Proġett rifless fil-ħolqien ta’ żewġ pubblikazzjonijiet u cartoon għat-tfal li, permezz ta’ storja bbażata fuq ġrajja vera, jippromwovi l-valuri tal-ħbiberija, l-inklużjoni, il-parteċipazzjoni fil-komunità u l-apprezzament tal-wirt kulturali. Storja li tirrakkonta l-esperjenzi ta’ tlett itfal li jipparteċipaw f’attivitajiet li jsiru għattfal minn din is-Soċjetà. Tlett itfal li minkejja li t-tlieta jgħixu b’diżabilità jipparteċipaw u jagħtu sehemhom biex ikunu ta’ appoġġ għal xulxin. Permezz tal-esperjenzi tagħhom il-ktieb iwassal il-messaġġ li l-ħbiberija, il kuraġġ u l-għaqda jistgħu jegħlbu kull sfida, filwaqt li juri li kulħadd għandu x’joffri.

Interessanti u inkoraġġanti ħafna kienet id-deċiżjoni tas-Soċjetà li, bil-kollaborazzjoni tal-Fondazzjoni għall-Aċċessibbiltà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (FITA) il-pubblikazzjoni saret ukoll bil-Braile sabiex tkun aċċessibbli għal tfal b’diżabbiltà viżiva. Il-cartoon animat jgħin biex il-messaġġ jitwassal għand udjenza usa’ b’mod modern u interattiv. Permezz ta’ inizjattivi bħal dawn inkunu qegħdin nibnu kultura ta’ rispett, parteċipazzjoni u opportunitajiet indaqs sa minn età żgħira.

L-inklużjoni ma tfissirx biss li noħolqu servizzi aċċessibbli iżda wkoll li niżguraw li kull tifel u tifla jkunu jistgħu jieħdu sehem bis-sħiħ fil-ħajja kulturali u soċjali ta’ pajjiżna. Konna, għadna u se nibqgħu ta’ spalla għal inizjattivi bħal dawn. Għandna diversi skemi għal dan il-għan, fosthom l-iSkema Komunitajiet Aktar Inklussivi, li għal dan il-proġett partikolari kkontribwiet €10,000. Inizjattiva nobbli li timmerita l-għajnuna li ngħatat.

Baden Powell Scouts Malta

Opportunità oħra li kelli riċentement li kienet timmarka ħidma oħra volontarja b’risq il-komunità kienet ilftuħ uffiċjali ta’ wirja fl-Imdina fl-okkażjoni tal-15-il anniversarju tal-Baden Powell Scouts Malta. Wirja bit-tema “15 Years, One Promise”. Nistqarr li l-iScouts għandhom post speċjali f’qalbi. Nara fihom skola tal-ħajja li tgħallem il-valuri, id-dixxiplina, it-tmexxija u r-rispett lejn l-oħrajn. F’kull wieħed u waħda minnhom nara l-formazzjoni ta’ ċittadin.

Tħejjija biex ikunu ċittadini responsabbli li lesti jagħtu lura lill-komunità. Li lesti jkunu investiment li jirrendi. Il-bażi ta’ dan kollu jinsab fil-volontarjat. Bażi ffurmata minn persuni li lesti jiddedikaw parti sostanzjali minn ħinhom b’risq il-futur ta’ komunità. Baden Powell Scouts Malta huma eżempju mill-aktar ċar ta’ kif il-volontarjat għandu s-saħħa li jibdel il-ħajja tan-nies u fl-istess ħin jibni komunitajiet aktar b’saħħithom. Bħala Gvern nemmnu bissħiħ fil-valur tal-volontarjat.

Għalhekk għandna l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS). Għalhekk liskemi ta’ għajnuna bħalma hija dik magħrufa bħala SIS, Small Initiatives Support Scheme li jmexxi l-MCVS. Permezz ta’ appoġġ finanzjarju ta’ €5,000 minn din l-iskema Baden Powell Scouts Malta se tkun tista’ timbarka fuq sena sħiħa ta’ attivitajiet li jippromwovu l-valuri tal-iScouting tradizzjonali, il-volontarjat, il-ħidma fil-komunità u ċ-ċittadinanza attiva. Minn qalbi nawguralhom suċċess f’ħidma volontarja sabiħa bħal din

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport