Fl-aħħar jiem rajna is-sitwazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Iran tkompli teskala. Rajna kif il-President Amerikan Donald Trump hedded lill-Iran li jekk ma jmurx lura mal-mejda tan-negozjati: il-ġimgħa d-dieħla forzi Amerikani se jattakkaw pontijiet strateġiċi fl-Iran u impjanti tal-enerġija.
Waqt li ntqal dan iż-żewġ pajjiżi komplew bl-attakki – l-Amerikani fuq bnadi fl-Iran u l-Iran fuq bażijiet Amerikani fir-reġjun tal-Golf. L-Iran ukoll hedded li jimblokka iktar rotot fir-reġjun tal-Golf.
Il-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran iddikjarat li l-iStrett ta’ Ħormuż se jibqa’ magħluq sakemm l-Istati Uniti tibqa’ għaddejja bl-aggressjoni kontriha. Din is-sitwazzjoni turi li l-Iran u l-Istati Uniti reġgħu lura fi triq qerrieda tal-gwerra. Iż-żewġ naħat għadhom maqbudin f’sitwazzjoni li qed teskala mingħajr ma jidher li hemm triq li tista’ twassal għal xi tip ta’ kompromess. Lil hinn mill-kunflitt li għaddej, wieħed irid jara kunsiderazzjonijiet oħra.
Donald Trump, qalilna kemm il-darba li rebaħ dan il-kunflitt, imma għal darba oħra reġa’ mar għall-kunflitt. Id-dikjarazzjonijiet tiegħu li spiċċa rebbieħ kienu kritikati b’mod qawwi u kienet ċara ħafna li ma kien hemm ebda rebħa għall-Istati Uniti.
Anzi rajna Iran, li kien kapaċi jirreżisti. Imma jibqa’ fatt li l-Iran ma jiflaħx li jkollu imblokk tal-portijiet tiegħu għal tul ta’ żmien. Din hi l-logħba Amerikana li qiegħda tintlagħab issa. Logħba li għandha żewġ għanijiet. Dik li tipprova twassal lil Iran imur mal-mejda tan-negozjati u jikkonċedi. Ma’ din imma hemm logħba oħra Amerikana u li ftit li xejn tissemma’. Dawn huma l-elezzjonijiet ta’ nofs il-leġislatura.
Hu ċar ħafna b’dan il-kunflitt li reġa’ inbeda li l-amministrazzjoni fl-Istati Uniti qiegħda tipprova b’kull mezz taljena lill-opinjoni pubblika u trid tidher li se toħroġ rebbieħa minn dan il-kunflitt. Ovvjament hemm ir-riskju li jekk il-kunflitt jibqa’ jitwal bla kontroll, l-opinjoni pubblika tkompli ddur kontrieħ.
Waqt li għaddej dan, it-tensjoni fil-Golf Għarbi u l-attakki li għaddejjin minn naħa u minn oħra, qegħdin ikomplu joħolqu pressjoni kbar fuq l-ekonomija globali. Diġa rajna diversi pajjiżi jerġgħu jgħollu l-prezzijiet tal-fjuwil. Illum din it-tensjoni ġdida qiegħda tqajjem dubji dwar ftehim iffirmat ftit ġimgħat ilu.
Dak ilftehim kellu jissostitwixxi waqfien mill-ġlied imħabbar f’April, li l-għan ewlieni tiegħu kien li jerġa’ jinfetaħ l-Istrett ta’ Hormuż. Mill-bidu tal-attakk immexxi minn Iżrael u l-Istati Uniti, li kellu l-għan li jisforza bidla fir-reġim f’Tehran, l-Iran kien uża l-Istrett bħala għodda ewlenija ta’ deterrenza billi mblokka r-rotta strateġika għall-esportazzjonijiet tal-idrokarburi.
Li ġara wara kien kriżi fis-swieq globali tal-enerġija u ta’ prodotti oħra fosthom fertilizzanti li jintużaw fil-qasam agrikolu madwar id-dinja. M’hemmx dubju li dan il-kunflitt bħal kull kunflitt ieħor bl-armamenti, mhu se jgawdi ħadd minnu.
Hu kunflitt li se jkun qiegħed joħloq pressjonijiet ġodda fuq il-prezzijiet tal-fjuwil u ż-żejt u dan se jbatuh il-konsumaturi madwar id-dinja. Fuq kollox il-kunflitt qiegħed jurina kemm marret żmerċ l-Istati Uniti li ħasbet li l-Iran se jċedi wara ftit jiem. Dan meta l-istess President Donald Trump, qabel rebaħ l-elezzjoni Presidenzjali, kien wiegħed li jibdiex gwerer.
Anki jekk issa qed jibda jibdel dan id-diskors, fis-sena 2024 id-dikjarazzjoni tiegħu kienu ċari. Kien “iddikjara li “mhux se nibda gwerer, se nwaqqaf il-gwerer.” Kien għamel riferenza għall-Presidenza preċedenti tiegħu u sostna li “ma kellna l-ebda gwerer, għal erba’ snin ma kellna l-ebda gwerer.
Ħlief li għelibna lill-ISIS.” Kien iddeskriva dan bħala rebħa għad-demokrazija. Illum imma mhux talli ma bediex gwerer, talli ħoloq kunflitt li qiegħed jaffettwa b’mod negattiv ħafna lid-dinja kollha. Kunflitt li jekk idum, se jkollu effetti negattivi qawwija u minn dan se jbatu persuni ċivili. Se jbatu għax tiżdied l-inflazzjoni.
Jiżdiedu l-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil. U waqt li d-dinja tistenna u tittama li dan il-kunflitt jieqaf u jinstab xi tip ta’ kompromess, tkompli toħroġ id-djgħufija tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Unjoni Ewropea f’dawk li huma sforzi biex dan il-kunflitt jintemm
